ARA: Inawgurat il-proġett tal-hill climb fl-Imtaħleb | One News

Notifiki

ARA: Inawgurat il-proġett tal-hill climb fl-Imtaħleb

Illum, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, inawguraw b’mod uffiċjali l-proġett li twettaq fl-Imtaħleb, fil-limiti tar-Rabat.

Il-Ministru Borg iddeskriva l-Imtaħleb bħala post għal qalb ħafna nies kemm għal dawk li jħobbu jżuru postijiet trankwilli bħal dan u kemm għad-dilettanti tal-isport tal-hill climb. Huwa kompla billi qal li il-proġett tal-Imtaħleb, triq magħrufa anke bħala Miġra l-Ferħa li ġiet mibnija mill-Italian Military Mission, kien proġett li jpoġġi fuq quddiem il-ħtiġiet ta’ diversi kommunitajiet. Fil-fatt dan il-proġett kien ser iħalli diversi benefiċċji – aċċessibilità aħjar għal kull min iżur dawn l-inħawi; telgħa aktar sigura għal min jipprattika l-isport bl-installazzjoni ta’ 360 metri ta’ crash barriers kif ukoll użu ta’ materjal apposta għall-wiċċ tat-triq u titjieb tas-servizzi tal-ilma.

L-Onor. Borg qal li sfortunatament, għalkemm għal ħafna snin kien magħruf li parti minn din it-triq kienet qed iċċedi, xorta waħda kienet saret waħda fost dawk il-bosta toroq oħra li sfaw mitluqa għal ħafna snin. Fil-fatt, huwa fakkar kif għal dawn l-aħħar snin, it-tellieqa tal-hill climb kellha tibda ssir fil-Pennellu l-Mellieħa minħabba l-istat gravi li kienet tinsab fih it-telgħa tal-Imtaħleb.

Il-Ministru Borg irringrazzja lil Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura għax-xogħol li kien sar, u lil SportMalta għall-investiment, kif ukoll lill-għaqdiet li taw il-kontribut tagħhom b’konsultazzjoni serena u produttiva biex b’hekk l-investiment seta’ jitgawda bl-aħjar mod possibli. Huwa awgura li kull min jipprattika l-isport bil-karozzi biex jagħmel dan b’għaqal u bl-ewwel prijorità tkun is-sigurtà tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru.

“B’sodisfazzjon għalija u għall-kollega tiegħi l-Onor Grima li nirrapreżentaw dan il-Gvern qegħdin naraw wegħda oħra ta’ dan il-Gvern li ġiet imwettqu u bi pjaċir kbir inħares lejn dan il-proġett bħala proġett li ser jitgawda minn bosta kommunitajiet. Inħares il-quddiem biex inkomplu bil-ħidma tagħna favur għajxien aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi,” tenna il-Ministru Borg.

Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sports u Għaqdiet tal-Volontarjat spjega li hekk kif kien mwiegħed mill-Gvern fl-2016 dawk kollha entużjasti mill-isport tal-hill climb se jkollhom post xieraq fejn jipprattikawh. Ikkumissjonat minn Sport Malta b’investiment ta’ aktar minn madwar nofs miljun ewro, din it-triq ġiet mogħtija wiċċ ġdid ta’ asphalt apposta għal dan l-isport.

Dan sar wara li saru diversi tiswijiet neċessarji kif ukoll xogħol anċillari biex it triq ikollha potenzjal tilqa’ kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li konsegwenza ta’ snin twal ta’ telqa, it-tlielaq kellhom jitqassru u anke xi drabi ma kienx possibbli li jiġu organizzati xi wħud mit-tlielaq. Issa li x-xogħol imwiegħed kien tlesta, ifisser li apparti li klabbs ta’ dan l-isport jistgħu jorganizaw it-tlielaq tagħhom, anke l-Valletta Gran Prix, avveniment li jġib lil diversi karozzi klassiċi barranin għandhom l-opportunita’ wkoll li jagħmlu użu mit-tela’ tal-Imtaħlleb.

“Dan l-investiment għandu jawgura biex jitkattar dan l-isport tat-tlielaq fejn issa dawk id-delettanti għandhom post deċenti u kif mistħhoqq biex jippratikaw id-delizzju tagħhom”, temm jgħid Dr Grima.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend