Liam Debono jinħeles mill-arrest – One News

Notifiki

Liam Debono jinħeles mill-arrest

Liam Debono, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri, inħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.

Il-Qorti Krimnali, ppreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li semgħet id-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono tisħaq li l-akkużat huwa preżunt innoċenti sakemm ikun ippruvat li huwa ħati tal-akkużi kontrih. Żiedet tgħid li skont xhud pajżan, kien il-kuntistabbli li mexa quddiem il-karozza meta din kienet miexja.

Il-kuntistabbli Schembri spiċċa jissielet għal ħajtu wara li safa mtajjar miż-żagħżugħ f’Ħal Luqa f’nofs Mejju li għadda tant li spiċċa tilef parti minn driegħu.

Il-Qorti semgħet ukoll kif Debono kellu trobbija diffiċli, minkejja li missieru dejjem kien preżenti għas-seduti, u kien lest iżommu miegħu.

Dr Philip Galea Farrugia, li deher għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-akkużat m’għandux rispett lejn l-awtorità bid-difiża ssostni li Debono kien iddispjaċut għal li ġara meta Schembri kien fl-awla.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000. Debono kien ordnat ukoll li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun kull nhar ta’ Sibt, u ordnat ma joħroġx mid-dar bejn id-21:00 u s-06:00.

 

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend