Aktar minn 60 skola f’attivitajiet fiżiċi għall-Jum Ewropew għall-Isport – One News

Notifiki

Aktar minn 60 skola f’attivitajiet fiżiċi għall-Jum Ewropew għall-Isport

Aktar minn 60 skola mis-setturi kollha edukattivi, ingħaqdu ma’ studenti minn aktar minn 30 pajjiż madwar l-Ewropa sabiex jiċċelebraw il-ġurnata Ewropea ddedikata għall-Isport fl-Iskejjel (ESSD). L-ESSD hija inizjattiva Ewropea bl-għan li żżid l-attività fiżika fost it-tfal bl-involviment tal-iskejjel.

Fi żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima fl-iskejjel primarji ta’ Ħal Għargħur, Pembroke u Tas-Sliema, sostna li t-tfal għandhom ikunu esposti għall-attivitajiet diversi li jgħinuhom jibnu l-ħiliet fiżiċi speċjalment l-aġilità, il-bilanċ u l-kordinazzjoni li huma l-bażi ta’ kull sport.

Clifton Grima qal li l-attivitajiet għandhom ikunu attraenti għat-tfal biex ma jarawx l-isport bħala dmir biss imma wkoll bħala attività li jieħdu gost jagħmluha.

L-ESSD hija attività sportiva li ssir darba fis-sena ġewwa l-iskejjel madwar il-pajjiż fl-istess ġurnata, fejn kull tifel u tifla jkunu esposti għal 120 minuta ta’ attività fiżika. L-iskop tal-ESSD huwa li tħajjar lil dawk it-tfal li ssoltu jżommu lura milli jinvolvu ruħhom fl-isport, sabiex jibdew ikunu parteċipi. Dan permezz ta’ attivitajiet li huma addattati għal kull livell ta abilità. Din hija parti mill-Ġimgħa Ewropea tal-Isport (EWOS) u parti mill-#Be Active Campaign.

L-ESSD kellha l-bidu tagħha fl-Ungerija fejn fl-2015 ġiet addottata minn tliet pajjiżi bħala proġett pilota. Malta ingħaqdet mal-ewwel grupp ta’ 20 pajjiż Ewropew fl-2016 fejn l-ESSD ġiet imtella’ f’aktar minn 60 skola madwar Malta. Fl-2017, l-ESSD madwar l-Ewropa u anke Malta, kompliet tikber. Tant hu hekk li ġiet stabbilita bħala parti mill-avvenimenti tal-EWoS. Fl-2018, in-numru ta pajjiżi Ewropej parteċipi tela’ għal iżjed minn 30.

L-għan ta’ #MaltaESSD2018 huwa li aktar skejjel minn kull settur edukattiv jinqħaqdu f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ sport sabiex jintlaħaq l-iskop ta’ din il-gurnata. Bħas-snin preċedenti, SportMalta hija kommessa li tagħti l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex kull skola jkollha l-possibilità li ttella b’suċċess din l-attività.

Ritratti – DOI/MEDE_PS

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend