Malta tisħaq mill-ġdid fuq il-ħtieġa ta' mpenn favur proċess politiku inklussiv fil-Libja—stabbiliti relazzjonijiet diplomatiċi mal-Istati Federati tal-Mikroneżja | One News

Notifiki

Malta tisħaq mill-ġdid fuq il-ħtieġa ta’ mpenn favur proċess politiku inklussiv fil-Libja—stabbiliti relazzjonijiet diplomatiċi mal-Istati Federati tal-Mikroneżja

“Malta tibqa’ tappoġġja bis-sħiħ il-proċess immexxi min-Nazzjonijiet Magħquda (NM) sabiex jiġi ffaċilitat is-sejbien ta’ soluzzjoni dejjiema fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni tan-NM għal-Libja, bil-pedament ġenerali jibqa’ l-impenn sħiħ, kemm mil-Libjani kif ukoll mill-komunità dinjija, favur proċess politiku inklussiv u kontra t-triq militari”, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali Libjan Muħammed Taher Siala. Iż-żewġ ministri kellhom taħdidiet fil-marġini tat-73 Assemblea Ġenerali tan-NM (l-UNGA) fi New York nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Settembru 2018.Il-Ministru Abela qal li Malta tilqa’ bil-ferħ id-dikjarazzjoni ta’ waqfien mill-ġlied li seħħet bl-involviment tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NM għal-Libja Ghassan Salamé, fl-4 ta’ Settembru 2018. Jibqa’ essenzjali li l-partijiet ikkonċernati jirrispettaw dak il-waqfien mill-ġlied sabiex jiġi żgurat li jieqaf l-użu indiskriminat tal-vjolenza. Dan jiggarantixxi li jerġgħu jsaltnu s-sigurtà u l-istabilità għall-benefiċċju tal-pajjiż u tal-poplu, kif ukoll tar-reġjun tal-Medterran kollu kemm hu.

Fil-konfront politiku, Malta temmen li l-elezzjonjiet inklussivi, ħielsa, u ġusti għandhom isiru malli jkun tpoġġa f’postu l-qafas legali meħtieġ. Dan jiżgura li r-riżultat tal-elezzjonijiet ikun aċċettabbli għal kulħadd fil-Libja, u b’hekk titqiegħed bażi soda għall-ġejjieni. F’dan is-sens, Malta tisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi adottata kostituzzjoni qabel ma jsiru l-elezzjonijiet. Huwa essenzjali wkoll li, matul l-elezzjonijiet, tiġi provduta s-sigurtà meħtieġa.

Intant, ukoll fil-marġini tal-UNGA, Malta stabbilixxiet relazzjonijiet diplomatiċi mal-Istati Federati tal-Mikroneżja. Il-Ministru Carmelo Abela u s-Segretarju tal-Affarijiet Barranin Mikroneżjan Lorin. S. Robert iffirmaw il-Protokoll u l-Komunikat Konġunt li jistabbilixxi r-relazzjonijet diplomatiċi nhar it-Tlieta, 25 ta’ Settembru 2018. “Minkejja d-distanza ġeografika, aħna żewġ gżejjer stati ċkejknin li għandna interessi komuni bħall-affarijiet marittimi u l-impatt tat-tibdil fil-klima”, qal il-Ministru Abela waqt laqgħa bilaterali mal-kontraparti Mikroneżjan tiegħu.

Laqgħat oħra fi New York saru mar-Rappreżentanta Speċjali tan-NM għat-Tfal u l-Kunflitti Armati Virginia Gamba, u mal-Mibgħut Speċjali tan-NM għall-Oċeani Peter Thomson. Il-Ministru Abela qal lil Virginia Gamba li Malta hija kuntenta bl-iżviluppi pożittivi li seħħew permezz tal-ħidma vitali tan-NM, tas-soċjetà ċivili u, f’bosta każijiet, ta’ gvernijiet li jinteressahom u li wrew impenn veru favur is-salvagwardja tad-drittijiet tat-tfal kif minquxin fil-Konvenzjoni tan-NM dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Huwa ħabbar li Malta se tkun qed tassisti b’fondi għall-kampanja ‘Children, Not Soldiers’, li hija inizjattiva li l-Uffiċċju ta’ Virginia Gamba ħa mal-UNICEF bil-ħsieb li jinħoloq qbil globali li fil-kunflitti m’għandhomx jintużaw suldati tfal.

 

Il-laqgħa ma’ Perter Thomson iffukat fuq l-impenji tal-komunità internazzjonali fir-rigward ta’ materji relatati mal-ibħra. Kien hemm qbil li, minkejja l-isfidi qliel biex ma ngħaddux lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna ibħra morda, il-komunità globali fasslet pjan tajjeb u l-battalja tista’ tintrebaħ. Is-Sur Thomson iddesriva lil Malta bħala mutur u wieħed mill-faċilitaturi globali tal-azzjoni favur l-ibħra, u faħħar lil pajjiżna talli kien wieħed minn tal-ewwel li ħatar Ambaxxatur tal-Oċeani.

Fi New York, il-Ministru Abela kellu wkoll taħdidiet mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-Koperazzjoni tal-Golf Abdul Latif Bin Rashid Al Zayani. Huma skambjaw fehmiet dwar kwistjonijiet reġjonali kif ukoll dwar il-koperazzjoni bejn Malta u l-kunsill.

 Impenji oħrajn tal-Ministru Abela kienu jinkludu l-attendenza għall-ftuħ tal-Ġimgħa Ministerjali tal-UNGA u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NM, kif ukoll is-sehem f’laqgħa tal-Grupp ta’ Stati ‘Uniting for Consensus’, li saret biex jiġi vvalutat fejn wasal il-proċess tar-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà. Huwa pparteċipa wkoll f’laqgħa ta’ livell għoli organizzata mill-Unjoni Ewropea dwar is-Sirja, u f’oħra kkordinata mill-Uffiċċju tar-Rappreżentanta Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NM għall-Migrazzjoni Internazzjonali bl-għan li tinbeda r-rankatura fost l-istati membri u partijiet interessati oħrajn għall-Konferenza Intergovernattiva li se ssir fil-Marokk f’Diċembru, biex jiġi adottat it-test tal-Patt Globali għal Migrazzjoni Sigura, Ordnata u Regolari.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend