Il-pubbliku jgħid tiegħu dwar il-baġit – One News

Notifiki

Il-pubbliku jgħid tiegħu dwar il-baġit

Għadha kif ġiet organizzata it-tielet konsultazzjoni mal-pubbliku ta’ qabel il-budget. Fil-preżenza ta’ diversi persuni li attendaw għall-laqgħa, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna sema’ l-opinjonijiet tal-pubbliku dwar il-baġit  2019 li se jitħabbar fit-22 ta’ Ottubru li ġej.

Waqt id-diskors tiegħu spjega kif għadha kif  telqet delegazzjoni imparzjali tal-IMF li qed tħejji rapport ieħor pożittiv dwar pajjiżna. L-IMF evalwat ukoll il-governanza tal-pajjiż, u fis-sigħat li ġejjin mistenni jiġi żvelat rapport tajjeb ħafna dwar it-trasparenza f’Malta. Dan xejjen dak li qed tipprova tpinġi sezzjoni żgħira tal-popolazzjoni fejn qed tagħmel ħilitha kollha sabiex ixerred perċezzjonjiet bla bażi dwar pajjiżna mal-komunità internazzjonali.

Scicluna faħħar ukoll il-ħidma tad-Dipartiment tat-taxxa u tal-VAT hekk kif Malta tinsab fost l-aħjar pajjiżi li tiġbor flusha mit-taxxa fuq il-valur miżjud. F’dan Malta kklassifikat fir-raba’ post fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Scicluna spjega kif it-tema tal-baġit hija  ‘Fostering a Quality Culture’ u tenna li dan ifisser li issa l-Gvern qed jaqta’ l-frott wara ħames snin ta’ ħidma sfieqa. Issa li t-tkabbir huwa aktar milli kien mistenni, se jkun hemm ħidma sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. L-investiment se jkun dwar il-kwalità u mhux kwantità. Se jkun hemm investiment bla preċedent fis-saħħa u l-edukazzjoni.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-penzjonanti hekk kif fil-maġġoranza tagħhom igawdu minn penzjoni waħda. Iżda l-għan tal-Gvern huwa li fil-futur ikollna 3 penzjonijiet; tal-Istat, tax-xogħol u dik privata. Hemm ħafna familji fejn bħalissa hemm penzjonanti b’introjtu wieħed hekk kif din il-ġenerazzjoni ta ‘penzjonanti għandha ħafna nisa li qatt ma ħadmu.

Il-Professur Scicluna qal ukoll li l-ġid irid jitqassam iżda t-tkabbir ma jistax jiġi injorat. Hawnekk saħaq li t-tkabbir ekonomiku huwa l-għan ta’ kull ġid. Għalekk il-Gvern qed isib setturi ġodda bħal dak tal-blockchain sabiex inkomplu inkabbar l-ekonomija tal-pajjiż. Dwar dan is-settur, Scicluna qal li Malta saret l-eżempju tad-dinja.

Fost il-mistoqsijiet kien hemm persuni li ssuġerixxew li jsir master plan dwar Buġibba u San Pawl il-Baħar. Dwar dan Scicluna qal li din tinsab minn ta’ quddiem fil-pjan tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja f’din il-lokalità. Fost l-interventi kien hemm ukoll tħassib dwar is-suq tal-kera. Il-Ministru spjega kif bħalissa d-domanda għall-propjetà kibret minħabba influss kbir ta’ ħaddiema barranin li qed jagħtu kontribut kbir lill-ekonomija Maltija. Dwar dan, il-Gvern qed jipprepara sabiex f’dan il-baġit iwieġeb għal din id-domanda.

Kien hemm mistoqsija wkoll dwar il-pazjenti Għawdxin li jiġu għall-kura Malta. Hawnekk il-Ministru fakkar dwar kif bil-pjan tal-Gvern, l-isptar ta’ Għawdex se jsir teaching hospital u jibda jattira lejh pazjenti barranin. B’hekk bl-investiment tal-akbar kumpanija fis-settur tas-saħħa Amerikan, Steward Health Care, il-pazjenti Għawdxin mhux se jkollhom bżonn li jiġu aktar Malta għall-kura.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend