Bejn drittijiet u assedji – One News

Notifiki

Bejn drittijiet u assedji

Il-libertajiet u drittijiet fundamentali tal-bniedem huma sagrosanti. Kull individwu li jsib ruħu fuq din l-art ħelwa, għandu d-drittijiet fundamentali tiegħu li jinsabu mnaqqxa fil-Kostituzzjoni tagħna u l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, protetti mill-Qrati tagħna.

Wieħed mill-aktar drittijiet fundamentali importanti għall-kull individwu huwa d-dritt li jesprimi ruħu bla xkiel. L-espressjoni tal-individwu tista’ isseħħ grazzi għall-użu ta’ mezzi differenti, fosthom, il-kitba, permezz ta’ manifestazzjoni, u fuq kollox permezz tal-vuċi.

Dan id-dritt pero ma huwiex illimitat. L-użu ħażin tal-espressjoni tista’ twassal gġall ksur ta’ drittijiet oħra ta’ individwi jew grupp ta’ individwi oħra. Kif rajna dan l-aħħar, xi ħadd li jesprimi ruħu u jinċita għall-vjolenza jew jaqbel mal-vjolenza fuq il-Pulizija fuq il-midja soċjali, gie mħarrek u akkużat b’reat kriminali u wara li nstab ħati, ingħata l-piena li kien ħaqqu.

Għalhekk wieħed ma jistgħax jinħeba mill-aġir illegali, abbużiv u ħafna drabi inġurjuż tiegħu billi jargumenta li kellu d-dritt jagħmel  dan għax tali aġir kien jaqa’ taħt id-dritt fundamentali tiegħu li jesprimi ruħu.

Fi kliem sempliċi, ma tistgħax tgħid li trid u kif trid għax tkun tista’ qed tnaqqas mid-drittijiet li ħaddieħor jista’ jkollu.

Dan l-argument rega’ ħa in-nar bl-aħħar att ta’ provokazzjoni lejn il-poplu Malti u Għawdxi, ta’ erba’ min-nies li jgħattu xturhom bl-iskuża tad-dritt ta’ l-espressjoni biex għamlu tagħħom monument nazzjonali kontra r-rieda tal-poplu in ġenerali.

Il-monument ta’ l-Assedju l-Kbir, deskritt minn Tonio Borg bħala ta’ importanza nazzjonali u kif ukoll ta’ sinjifikat kbir għall-Ewropa u s-sigurta’ tagħħa f’dawk iż-zminijiet. Apparti li hu opra t’arti imprezzabbli minn artist Żebbuġi rinomat mad-dinja kollha, huwa monument li jfakkar episodji li fihom missirijietna xerrdu demmhom għal-liberta tagħna lkoll.

Il-monument hu tagħna lkoll. Protett bil-liġi sabiex ħadd ma jwettaq ħsarat fuqu u fuq monumenti oħra li huma l-wirt tagħna lkoll.

Għalhekk jekk wieħed irid jipprotesta, iwassal leħnu, jibgħat messaġġ, jagħmel mafkar għal ħaddieħor, jista’ jagħmel dan faċilment, pero bla ma jikser id-drittijiet ta’ ħaddieħor.

Personalment lili ma tagħmillix differenza li hemm min irid ipenġi lil min kien ixerred il-gideb, velenu u ħdura fuq kulħadd inkluż tfal żgħar, morda u mejtin bħala l-qaddisa u l-paladina tat-tajjeb. Tagħmilli differenza li dawn l-istess nies, biex jagħmlu dak li jridu jagħmlu, qed iħammġu, iħassru u jnaqqsu mit-tgawdija ta’ kulħadd ta’ dan il-mafkar li għandu tant sinjifikat importanti għall-Maltin kollha inkluż dawk li jgħixu barra.

Min irid jesprimi ruħu liberament fuq din il-kwistjoni jista’ jagħmel dan bla xkiel, basta jħalli l-monumenti tagħna kif inhuma. Ha ngawduhom.

U min għandu l-obbligu li jżomm l-ordni fil-pajjiż m’għandux jibża milli jieħu dawk il-passi kollha neċesarji biex iressaq lil min jikser il-liġi u qed iħammeġ jew jgħarraq dawn il-monumenti. Naf li dawn hekk iridu ħalli jmorru jgħidu li pajjiżna sar dittatorjat għax il-pulizija mhux tħalli lil min jesprimi ruħu. Għalkemm il-pulizija, jekk tieħu passi u tressaq lin-nies il-Qorti, tkun qed tobdi r-regoli tas-Saltna tad-Dritt – il-famuża Rule of Law – fejn il-liġi hi l-istess għal kulħadd.

Fi ftit kliem, dawk li jridu jiprotestaw u jfakkru lil min iridu huma, jistgħu jagħmlu dan meta jridu, fejn iridu u kif iridu, basta waqt li jkunu qed jeżerċitaw id-dritt tagħħom, ma jikkalpestawx id-dritt ta’ ħaddieħor kif għamlu sal-lum.

Fuq kollox jieqfu jipprovokaw. Ħadd m’hu se jaqa’ fin-nassa meskina tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend