Il-każ Aquarius – ħadd mit-58 immigrant mhu se jibqa' f'Malta | One News

Notifiki

Il-każ Aquarius – ħadd mit-58 immigrant mhu se jibqa’ f’Malta

Żvolta fl-aħħar ħin dwar il-każ tal-vapur Aqurius wara li l-Gvernijiet ta’ Franza u Malta ħadu l-inizjattiva konġunta biex isolvu s-sitwazzjoni li kienet qed tiżviluppa fl-ibħra internazzjonali fuq il-vapur li kien qed iġorr 58 persuna.

Fi stqarrija, il-Gvern Malti qal li l-persuni abbord l-MV Aquarius se jiġu żbarkati fuq lanċa tal-Forzi Armati Maltin fl-ibħra internazzjonali. Ingħad li l-persuni abbord se jiddaħħlu f’Malta u kollha kemm huma se jħallu l-pajjiż biex b’mod immedjat jitqassmu f’erba’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Ingħad li din l-operazzjoni se ssir hekk kif tkun loġistikament possibbli.

Il-Gvern Malti sostna li qiegħed jieħu sehem biss f’dan l-isforz fuq bażi umanitarja u mingħajr ebda preġudizzju għall-pożizzjoni tiegħu dwar attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ li jibqgħu ma jinbidlux.

L-istqarrija żiedet tgħid li l-fatt li l-MV Aquarius m’għadux aktar irreġistrat, il-vapur se jibqa’ sejjer lejn il-port tiegħu biex jirratifika l-pożizzjoni tiegħu.

Il-Gvern temm jgħid li l-gvernijiet ta’ Malta u ta’ Franza se jibqgħu kommessi għal attitudni proattiva msejsa fuq ir-rule of law u s-solidarjetà.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend