Ikompli l-istaġun tat-tiġrijiet taż-żwiemel wara l-waqfa tas-Sajf – One News

Notifiki

Ikompli l-istaġun tat-tiġrijiet taż-żwiemel wara l-waqfa tas-Sajf

L-istaġun tat-tiġrijiet taż-żwiemel kompla wara l-waqfa tas-Sajf b’żewġ programmi ta’ 8 tiġrijiet kull wieħed li saru nhar il-Ġimgħa filgħaxija u l-Ħadd wara nofsinhar. 23 żiemel għamlu d-debutt tagħhom, uħud minnhom b’rebħiet. Is-sewwieq Rodney Gatt kompla bl-istess ritmu ta’ qabel il-waqfa tas-Sajf u rnexxielu joħroġ rebbieh f’ħames tiġrijiet.Bis-16-il tiġrija fuq distanza ta’ 2140m l-aktar tnejn mistennija kienu dawk tal-Klassi Premier speċjalment dik li saret il-Ħadd waranofsinhar fejn fiha rajna lid-debba Lajos Cella tirbaħ il-ħames tiġrija tagħha għal din is-sena taħt il-gwida ta’ Rodney Gatt fl-aħjar medja taż-żewġ programmi. It-tiġrija tal-Premier l-oħra rat l-ewwel rebħa f’Malta għal Again Madrik misjuq għall-ewwel darba minn Clint Vassallo.

It-tliet tiġrijiet tal-Klassi Gold raw rebħiet għad-debuttanti M.R. Hungry Eyes u Black Jack B  it-tnejn misjuqa minn Rodney Gatt u  l-ewwel rebħa f’Malta għal Unit Price misjuq minn Redent Magro.

Fil-klassi Silver kellna 5 tiġrijiet.  Fl-ewwel waħda kellna is-seba’ debuttanti jispiċċaw fl-ewwel seba’ postijiet bir-rebħa jeħodha Tarzan Adri misjuq minn Jesmar Gafa’. Jesmar Gafa’ irnexxielu wkoll jirbaħ tiġrija oħra tal-klassi Silver biż-żiemel tiegħu stess Vasquez Bob li kien qed jirbaħ għall-ewwel darba din is-sena.  Boko Won irreġista l-ewwel rebħa ta’ l-istaġun misjuq minn wieħed minn sidienu Sam Cassar, Neptunus Face ħa l-ewwel rebħa f’Malta misjuq minn sidu Ludvic Ghigo u għall-ewwel darba misjuq minn Rodney Gatt Velvety Ranais irreġistra l-ewwel rebħa tiegħu f’Malta.

Kien hemm erba’ tiġrijiet kategorija Bronze fejn Veikko Hornline ħa t-tieni rebħa tiegħu f’dan l-istaġun misjuq minn Julian Farrugia, Concerto Cehere kompla b’dak li beda fis-Sajf hekk kif irreġistra it-tielet rebħa konsekuttiva tiegħu minn daqstant tiġrijiet misjuq minn Charles Camilleri u misjuq minn Rodney Gatt Faro Sue Heikant irregista t-tieni rebħa tiegħu staġonali filwaqt li Sire Le Roi ħareġ rebbieħ għall-ewwel darba f’Malta misjuq minn sidu Joe Farrugia.

Il-klassi Copper tat it-tieni rebħa staġonali lil Tell You Off misjuq minn Nicholas Cauchi u l-ewwel rebħa staġonali lil Akemi misjuq għall-ewwel darba minn Claudio Refalo.

 Il-programm ta’ tiġrijiet li jmiss issa huwa nhar il-Ħadd li ġej. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend