Ikun “ideali” li l-coding ikun mgħallem bħala suġġett obbligatorju fl-iskejjel – One News

Notifiki

Ikun “ideali” li l-coding ikun mgħallem bħala suġġett obbligatorju fl-iskejjel

Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Awtorità Maltija għall-Kommunikazzjoni organizzat sessjonijiet ta’ coding f’erba’ skejjel; il-Belt Valletta, il-Furjana, il-Marsa u l-Gżira. Madwar 50 tifel u tifla ta’ bejn it-8 u 12-il sena kienu mgħallma kif joħolqu animazzjonijiet u logħob differenti permezz ta’ Scratch, li huwa lingwa ta’ programm viżwali mmirat lejn it-tfal.

“Il-promozzjoni ta’ coding u ħsieb kompjuterizzat huma fost l-oqsma importanti li qed ikunu mbuttati fost it-tfal. Fl-isfond tar-ritmu mgħaġġel li bih qed tikber l-ekonomija diġitali, huwa importanti li jkollna l-ħtiġijiet meħtieġa. Għalhekk, ikun ideali li l-coding ikun mgħallem bħala suġġett obligatorju fl-iskejjel,” qal is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri, filwaqt li żied li dan huwa essenzjali sabiex nippreparaw il-ġenerazzjoni ta’ għada għall-ekonomija tal-futur.Waqt iż-żjara, Silvio Schembri ltaqa’ ma’ żewġ studenti tal-MCAST li rrappreżentaw lil Malta f’Mexico City waqt il-Global Robotics Olympiad fejn għal dan l-avveniment ipparteċipaw madwar 160 pajjiż.

L-istudenti spjegaw kif kull pajjiż kien ippreżentat b’materjal identiku u kien f’idejn il-gruppi li joħolqu disinn. L-istudenti spjegaw kif ir-robot lokali nbena b’żewġ kontrolluri, waħda għall-mekkaniżmu biex jinstaq u l-oħra biex ikunu ikkontrollati d-dirgħajn, l-idejn u t-turbina fuq wara. Ir-robot kien iddisinjat b’mod biex jaqbad kaxxa u panelli żgħar li mbagħad jitpoġġew fi strutturi żgħar.

Ingħatat preżentazzjoni ta’ kif ir-robot jiffunzjona li matula pparteċipaw uħud mill-istudenti. Hawn, Schembri enfasizza dwar is-saħħa tal-coding u x’jista’ jagħmel. Huwa inkoraġixxa lill-istudenti sabiex ikomplu jistudjaw il-coding u jsegwu karriera f’settur li se jkun parti intergrali għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta.

Is-sessjonijiet tal-coding kienu possibli permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend