Iż-żerriegħa tad-dubju – One News

Notifiki

Iż-żerriegħa tad-dubju

Bidwi li kien iħobb jesperimenta iddeċieda li jferrex żerriegħa f’roqgħa tal-għalqa tiegħu.  Beda jsaqqiha u jindukraha u feraħ meta ra l-pjanta tinbet.  U għadda ż-żmien u l-pjanta nbidlet f’siġra.  U beda l-għawġ.  Il-friegħi tas-siġra bdew joħonqu lil xulxin!  Kull fergħa bdiet dieħla fl-oħra u d-dehra kienet twaħħax.  Mhux biss. Imma s-siġra bdiet tifrex il-friegħi fuq is-siġar l-oħra u toħnoqhom ukoll.  Kollu inkwetat il-bidwi mar jiċċekkja l-pakkett taż-żerriegħa li fettillu jxerred fl-għalqa. Kif qara t-tip ta’ żerriegħa kesaħ.  Mingħajr ma jaf kien żera’ ż-żerriegħa tad-dubju!Kull min għandu ftit melħ f’moħħu jintebaħ li hawn min hu aktar makakk mill-bidwi seħibna fil-bidu ta’ dan l-artiklu u b’mod mill-aktar fin imma sistematiku qed jipprova iħawwad l-imħuħ tal-poplu bit-tama li jilħaq l-għanijiet aħħarin tiegħu.

Fil-fatt iż-żerriegħa tad-dubju saret l-ordni tal-ġurnata għal dawk li fil-qasam politiku qatgħu qalbhom li xi darba jiksbu l-fiduċja tal-poplu bil-mezzi normali ( u mhux….ara l-Egrant per eżempju) tad-demokrazija.  Iżra’ d-dubji u daħħal il- flieles f’moħħ il-poplu saret il-modus operandi ta’ dawn it-talin.

Nibdew bil-qasam tal-barranin per eżempju.  Sa ftit ilu kien hemm il-biżgħa li dawna jieħdu l-postijiet tax-xogħol tagħna u ta’ uliedna. Biżgħa fiergħa li fuq kollox ma mmaterjalizzatx ruħha.

Illum id-dubji huma oħrajn u nisimgħu ta’ spiss din il-kantaliena li ġejja.

U dawn il-barranin kollha x’nambuhom? Lanqas se jkollna fejn niċċaqalqu erbat ijiem oħra! B’din l-invażjoni ta’ barranin mhux qed nirriskjaw li nitilfu l-valuri tagħna? U kif tmur f’ristorant u lanqas issib waiter Malti min jaqdik?  L-istess l-isptar…..ħlief infermiera u tobba barranin ma ssibx!  Sirna barranin f’pajjiżna!  X’futur għandhom uliedna f’dan il-pajjiż maħnuq minn din l-invażjoni barranija?  Fejn huma l-valuri tal-Indipendenza u Ħelsien?  Mhux aħjar nerġgħu l-arloġġ lura u nkeċċu lil kulħadd ‘il barra?  Se nispiċċaw nemigraw!

U l-istess dubji nsibuhom qed jinżirgħu ukoll fil-qasam ekonomiku.

Mhux aħjar jekk l-ekonomija ma tibqax tikber b’dan ir-ritmu mgħaġġel?  Mhux aktar għaqli li neħduha aktar relaxed għax qed nirriskjaw li l-magna tal-ekonomija tisħon?  Mhux għarkuża li tlifna ruħna għax moħħna biss fil-flus? U fuq kollox nisimgħu b’tant surplus, għand min qed imorru dawn il-flus żejda li tant niftaħru bihom? Għalina l-popolin loqom biss?

Fir-realtà tal-lum, dawn id-dubji kollha jsibu art fertili fuq il-media soċjali fejn il-kummenti dominati mill-passjoni kapaċi jibdlu l-ġamra tad-dubju f’ħuġġieġa bla kontroll.

Għaldaqstant nistaqsi. Quddiem din ir-realtà li tiekol fis-skiet u bil-moħbi l-fiduċja tal-poplu, x’għandha tkun l-istrateġija tal-Moviment Laburista fil-Gvern?

Ma nafx għaliex f’moħħi ġiet il-frażi li kien iħobb juża l-eks President Taljan Sandro Pertini li waqt il-finali tat-tazza tad-Dinja mirbuħa mit-Taljani fl-1982 kien ta’ spiss jgħid…La miglior difesa e’ l’attacco…L-aħjar difiża hi l-attakk.

U appuntu, sabiex jikkumbatti din il-mewġa malinna ta’ dubji, il-Moviment Laburista għandu jagħmel kampanja qawwija u intensiva-anke bl-użu tal-media soċjali- sabiex mhux biss ixejjen kull dubju bil-fatti iżda juri biċ-ċar li t-triq li qabad pajjiżna mhux it-triq tar-rovina kif qed ipinġi min irid ibeżża’ iżda hija t-triq li se tkompli twassal għal aktar xogħol u ġid mingħajr ma tintilef ir-ruħ soċjali li tant hi għażiża għall-Progressivi Maltin.

Fin-nuqqas ta’ dan wisq nibża’ li l-istrateġija tad-dubju tieħu s-sopravvent u jirnexxielha tikber u toħnoq dak kollu pożittiv li nbena tul dawn il-ħames snin.

Ta’ QabelLi Jmiss
Ray Muscat huwa edukaturi b’esperjenza fl-iskejjel statali Maltin sa mill-1986. Kien għalliem tat-Taljan għal 13-il sena fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli u għal dawn l-aħħar erbatax-il sena huwa amministratur fl-iskola sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. Ray Muscat huwa wkoll kittieb. Kiteb scripts għar-Radju u r-Televiżjoni tal-istat b’xogħolijiet bħal ‘Fil-Kikkra!’, ‘Tlaqna!’ u ‘Oops!’. Sal-lum ippublika żewġ kotba għat-tfal bl-istejjer ta’ Lippu l-Purtinar u ktieb għall-adulti bit-titlu 'Naħqa ta’ Ħmar’. Jinteressah ħafna l-aspett politiku mhux partiġġjan u t-temi soċjali u edukattivi, b’mod speċjali ma’ dawk li sfortunatament jaqgħu lura fil-mixja tal-ħajja.

Send this to a friend