15-il sena ta’ ħidma miċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta – One News

Notifiki

15-il sena ta’ ħidma miċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta

F’dawn il-jiem, iċ-Ċentru Kulturali Ċiniż qed ifakkar il-15-il anniversarju minn meta nfetaħ dan iċ-ċentru f’pajjiżna.  Dan kien l-ewwel ċentru kulturali Ċiniż li nfetaħ fl-Ewropa.  Huwa parti minn ħolqa ta’ kollaborazzjoni riċeproka li dejjem kien hemm bejn dawn iż-żewġ pajjiżi li bdiet fl-1972 meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff kien żar dan il-pajjiż mbiegħed.Il-kultura Ċiniża għandha storja li tmur lura mill-anqas 5,000 sena.  Il-wirt kulturali li ta dan il-pajjiż hu enormi.  Jekk aħna l-Ewropej għandna biex niftaħru bil-wirt kulturali enormi li għandna, iċ-Ċiniżi mhumiex anqas.

Dan l-aħħar kelli x-xorti li nkun parti minn delegazzjoni mmexxija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela.  Id-delegazzjoni kellha l-għan li tfassal pjan ta’ kopereazzjoni f’diversi oqsma bejn Malta u ċ-Ċina.  Ma jonqosx li ddiskutejna ukoll il-koperazzjoni fil-kultura.  Dan is-suġġett qam kemm fil-laqgħa mal-Istate Councilor u Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż Wang Yi kif ukoll mal-Ministru tat-Turiżmu u l-Kultura Ċiniż Luo Shugang.  Fiż-żewġ okkażjonijiet tajna ġieħ lill-kontribut kbir li ċ-Ċentru Kulturali Ċiniż qed jagħti biex aħna l-Maltin u Għawdxin ingawdi wkoll is-sbuħija, napprezzaw u anke nitgħallmu mill-wirt kulturali, tradizzjonijiet, ħiliet kbar artistiċi f’kull qasam tal-arti li joffri l-ġens Ċiniż.

Illum hemm għarfien universali li jekk trid tkabbar il-koperazzjoni u l-ħbiberija bejn il-popli, il-diplomazija kulturali hi l-aqwa għodda.  U jien personalment rajt lil dan iċ-Ċentru jikber u jifrex l-attivitajiet u t-tagħlim li joffri għal kull età, billi joffri opportinitajiet lill-artisti Maltin biex juru ħilithom f’dan il-pajjiż u anke lill-pubbliku biex jesperjenza dan in-nazzjon kbir.  Għalhekk kiber ir-rispett reċiproku bejn il-popli ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi li ma ħarsux lejn il-qies tal-pajjiż tagħhom imma ħarsu lejn kif jistgħu jgħinu lil xulxin.

Fil-kapaċità tiegħi ta’ Direttur tal-Kultura, qed nagħti s-sehem ċkejken tiegħi biex il-mandat taċ-Ċentru Kulturali Ċiniż jiġġedded għas-snin li ġejjin biex ikompli bil-ħidma sfiqa tiegħu ġewwa pajjiżna u tinfirex aktar il-kollaborazzjoni bejn il-qasam kulturali Malti u dak iċ-Ċiniż.  Qegħdin naraw kif din il-kollaborazzjoni tespandi għal setturi oħra kulturali għax it-tnejn li aħna għandna ħafna aktar fejn nistgħu naħdmu flimkien b’mod reċiproku.

Nawgura aktar snin ta’ ħidma lid-direttur taċ-Ċentru Mr Wang Yanjun u l-istaff kollu tiegħu u ngħidilhom GRAZZI f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.

Ta’ QabelLi Jmiss
Mario Azzopardi għandu passjoni kbira għall-films. Ilu jipproduċi programmi għar-radju u t-televiżjoni dwar il-films mill-1981 u ilu jikteb fil-ġurnali tal-Union Press dwar il-films mill-1990. Ġie mistieden tliet darbiet għaċ-ċeremonja tal-Oscars minbarra stediniet oħra għall-European Film Awards u għall-festivals ewlenin ta’ Cannes, Berlin u Venezja. Kellu karriera twila ta’ għalliem. Kien Kap tal-Programmi Edukattivi fuq it-televiżjoni u r-radju nazzjonali. Aktar tard inħatar Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li matul dan il-perjodu kien responsabbli għad-dħul tal-ischolarships għall-Masters u d-dottorat u għall-firxa akbar tal-korsijiet għall-adulti. Illum Direttur għall-Kultura. Fl-2013 inħatar Chairman għall-Bord tal-Klassfikazzjoni tal-Films.

Send this to a friend