Maqbuda bejn 10 u 11-il tunnellata droga b'valur ta' €28.5 miljun | One News

Notifiki

Maqbuda bejn 10 u 11-il tunnellata droga b’valur ta’ €28.5 miljun

L-għada li l-uffiċjali tad-Dwana wettqu l-akbar qabda ta’ droga f’pajjiżna, stimi proviżjorji juru li nstabu bejn 10 u 11-il tunnellata droga reżina tal-kannabis li l-valur tagħha fis-suq ilaħħaq it-€28.5 miljun.

ONE News hu Infurmat li din l-akbar sejba ta’ droga f’Malta qed tittieħed b’serjeta  kbira minn entitajiet internazzjonali fosthom il-EUROPOL u l-INTERPOL.  Tul il-jum tat-Tlieta, il-ħaddiema tad-Dwana flimkien mal-uffiċjali tal-Pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-droga komplew jiftħu aktar bramel li kienu fi tnejn mill-erba’ kontejners li nstabet fihom id-droga suspettata kannabis.
S’issa infetaħ u tbattal minn kollox l-ewwel kontejner bl-uffiċjali qegħdin ibattlu t-tieni container li wkoll irriżulta pożittiv meta kien qed jiġi skenjat mill-Uffiċjali tad-Dwana.

Kollox jindika li d-droga nħażnet fi tliet kontejners. Madankollu s-sorsi kkonfermaw li l-uffiċjali tad-Dwana se jiftħu l-erba’ kontejners li waslu Malta mis-Sirja sabiex jassiguraw li l-ebda biċċa droga ma tiżgiċċa minn pajjiżna.

Is-sorsi ta’ ONE News komplew jgħidu li s-suspetti f’dawn l-erba’ containers li suppost kienu qed iġorru biss trab u konċentrat tal-ħasil flimkien ma’ xi torċijiet, bdew minħabba r-rotta tagħhom bejn is-Sirja u l-Libja.
Is-suspetti komplew jissaħħu minn intelliġenza u informazzjoni oħra li bdiet tasal lid-Dwana Maltija minn entitajiet barranin.

Imkejjen qrib l-investigazzjonijiet stqarrew li lill-investigazzjonijiet f’dan il-każ jistgħu jkunu diffiċli ferm iżjed minn kull investigazzjoni oħra. Dan minħabba l-fatt li kemm fis-Sirja u anke fil-Libja hemm gwerra ddikjarata.

Ritratti ppubblikati mid-Dwana, juru li matul il-jum, is-sustanza li kienet moħbija fil-bramel, bdiet titqiegħed kollha fil-maħżen ewlieni tad-Dwana fil-Port Ħieles u tinżamm taħt sikurezza kbira.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet ikkonfermaw li fis-sigħat li ġejjin l-esperti tal-Qorti se jibdew janalizzaw id-droga. Spjegaw li l-esperti forensiċi diġà bdew jieħdu diversi kampjuni minn fuq kull paletta, hekk kif il-blokok jidhru li huma identiċi għal xulxin.

Dawn il-kampjuni jittieħdu fil-laboratorji sabiex tingħata konferma iswed fuq l-abjad li s-sustanza misjuba hija verament reżina tal-kannabis.

L-istess sorsi sostnew li din hi prassi ġenerali li ssir f’kull sejba tad-droga. Dan anke jekk l-indikazzjonijiet f’dan il-każ huma pjuttost pożittivi minħabba r-riħa qawwija tas-sustanza.

Aktar tard, id-droga tibda tiġi eżaminata għall-purità  tagħha li tista’ tlaħħaq sas-70%.

Intant, il-Ministru għall-Finanzi l-Professur Edward Scicluna li hu politikalment responsabbli mid-Dwana , ta ħajr lill-ħaddiema kollha li kienu involuti f’din l-akbar sejba ta’ droga fl-istorja ta’ pajjiżna.

Mingħajr ma daħal fil-mertu tal-investigazzjonijiet, qal li din is-sejba setgħet tkun possibbli biss bis-saħħa tal-investiment kontinwu li l-Gvern Malti qed jagħmel fid-Dwana ta’ Malta, fost oħrajn bix-xiri ta’ apparat ġdid is-sena l-oħra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend