Nerfgħu fil-vara | One News

Notifiki

Nerfgħu fil-vara

Aktar ma qed jgħaddi ż-żmien aktar qed inwaħħal f’moħħi li hemm bosta minn dawk li qed jidhru akkaniti għall-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia,  li fil-fatt iridu jirkbu fuq il-memorja tagħha u l-mewt traġika  tagħha.

L-aħħar inizjattiva ta’ Manwel Delia,  li għandu aġenda speċjali,  u jaħseb li se jmexxi lill-Maltin fuq ir-rotot li jrid hu. Ħaseb li għadu ma’ Austin Gatt u fit-Transport Malta jew bħala konsulent,  jew politiku,  jew kandidat.  Insomma.     Manwel Delia ġabar ħafna firem tal-avukati,  imma qisu nesa’ li Adrian Delia huwa avukat,  u martu hija avukata wkoll !  Ikun hemm min jgħid li Adrian Delia ma kienx ta’ żmienu,  għax kienu ilu li dabbar rasu minn mal-Arriva u żmien il-Bużullotti.Dan qed jilmenta fuq id-dritt tal-espressjoni.  U ġab il-firma ta’ 62 avukat.   Dawn ma jfissru xejn.  Ma jfissirx għax jiffirmaw ħafna avukati għandhom raġun.  Darba kelli kontra tiegħi tliet avukati barranin,  u jien kont waħdi, fil-Qorti Ewropea, u rbaħt jien.   Anke fil-qrati tagħna,  minkejja li jkun hemm diversi avukati,  wieħed jitkellem,  u mhux kollha,  u l-oħrajn ikunu għall-firma u għall-ispettaklu.   Issa kien hawn xi ħadd li għalaqlu ħalqu ?   Dan beda jivvinta kontra s-sewwa maħluf tal-Maġistrat Aaron Bugeja,  u ħadd ma qallu xejn.  Tħallih jinqela b’żejtu, jgħid il-Malti.  Imma ma jfissirx li għandu dritt  jgħid li jrid kullimkien.   Ejja ngħidu ahna jaqbad u jitla’ fuq pulptu ta’ knisja,  u jibda joħroġ l-għerf tiegħu kollu.  Jekk iwaqqfuh,   qed ineħħulu d-dritt tal-espressjoni.  Għax hemm lok u lok fejn tista’ tuża d-drittijiet tiegħek,  u hemm ukoll drittijiet ta’ ħaddieħor.

Imma Manwel Delia jipprova jidher li hu s-suċċessur ta’ Daphne, bil-gossip  u bit-teoriji tiegħu b’kollox.   Imma wara s-suċċess tal-Arriva,  ma wasal imkien.  Għalhekk qed jipprova jirkeb fuq il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Naturalment hemm Simon Busuttil u nies bħal Jason Azzopardi.  Ukoll għandhom l-agenda tagħhom.  U biex in-nies jippruvaw jiftakru fihom jużaw lil Daphne.

Umbagħad hemm oħrajn,  li ma jridux jibqgħu lura,  għax inkella ma jidhrux,  u jekk ma jidhrux,  jintesew.

Insomma bħal dawk il-kandidati għall-elezzjonijiet li jmorru jerfgħu fil-vara,  naturalment fil-filliera quddiem halli jarawhom in-nies.  Mhux se jmorru jerfgħu fuq wara !

Riċentement kien hemm sentenzi fuq id-dritt tal-espressjoni.  L-Isvizzera ma ħallietx li jkun hemm twaħħil ta’ posters f’post pubbliku għal diversi raġunijiet.  Dawn ħadu lill-Isvizzera quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,  u ħarġu ta’ ċwieċ,  għax l-istat għandu dritt jirregola l-postijiet pubbliċi.  Daqs kemm kieku Manwel Delia jitla’ fuq il-pulptu u l-kappillan ikeċċih.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend