Joseph Muscat ma jaqbilx ma’ Delia li Malta ssir il-post fejn jingiebu l-immigranti kollha – One News

Notifiki

Joseph Muscat ma jaqbilx ma’ Delia li Malta ssir il-post fejn jingiebu l-immigranti kollha

Dwar l-immigrazzjoni l-gvern huwa konsistenti fl-attitudni u l-politika tiegħu. Dan b’differenza tal-Oppożizzjoni li hi mifxula u li tbiddel deċiżjonijiet mil-lum għal għada, minn estrem għal ieħor.

Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat li f’intervista fuq ONE Radio rreaġixxa għall-aħħar dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li issa jrid lil Malta bħala ċentru ta’ salvataġġ għall-immigranti u għamilha ċara li ma jaqbilx mal-pożizzjoni ta’ Adrian Delia.

Spjega kif filwaqt li l-ġimgha l-oħra, il- Kap tal-Oppożizzjoni “ppożizzjona lill- Partit Nazzjonalista fil-kamp ta’ partiti populisti u li għandna nagħlqu l-bibien u nagħmlu l-ħitan… f’daqqa waħda lbieraħ jgħidilna li fil-fehma tiegħu, pajjiżna għandu jsir iċ-ċentru ta’ salvataġġ tal-Mediterran,” kompla l-Prim Ministru.

Dan ifisser li għal Adrian Delia, l-immigranti għandhom jiġu salvati u jinġiebu Malta, imbagħad naraw minn Malta x’se jsir minnhom. Il- Prim Ministru qal li assolutament ma jaqbilx ma’ din l-idea.

Joseph Muscat qal li kieku dak li qed jipproponi Adrian Delia iseħħ, Malta ssir target għat-traffikanti li jimmiraw li jġibu l-immigranti mill-ewwel f’pajjiżna.

“Ma naqbilx mal-idea tiegħu ta’ kif mar estrem wieħed il-ġimgħa li għaddiet, imbagħad f’daqqa waħda, wara li qala’ l-kritika għall-punt estrem li għamel, il-pendlu xaqleb totalment fuq l-estrem l-ieħor. Insiru hawnhekk xi hotspot Ewropew fejn kull dgħajsa tal-imigranti tinġieb hawnhekk imbagħad naraw x’nagħmlu biha. Le jien dik mhix il-viżjoni tiegħi għal pajjiżna” qal Muscat.

Il-Prim Ministru qal li minflok Malta ghandha tkompli bil-politika ta’ sens komun li taddotta llum.
“Fejn hemm bżonn nagħmlu salvataġġ, nagħmluh, u jekk hemm bżonn naqilgħu l-kritika talli nagħmluh, naqilgħuha imma l-ħajja umana tiġi fuq kollox. Imma mhux ħa nidħlu aħna biex inkunu l-post fejn ħaddieħor jitfa’ l-affarijiet fuqna,” saħaq il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar dikjarazzjonijiet li għamel il-Prim Ministru Taljan fis-senat dwar il-każ Diciotti. Qal li l-gvern Malti protesta kemm formalment u anke permezz ta’ stqarrija u għal darb oħra spjega d-dettalji tal-każ u xi jgħidu l-liġijiet internazzjonali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend