It-Teatru Manoel ser ikun jista' jintuża wkoll fis-sajf | One News

Notifiki

It-Teatru Manoel ser ikun jista’ jintuża wkoll fis-sajf

Investiment ta’ €1.3 miljun parzjalment minn Fondi Ewropej, fit-Teatru Manoel se jsarraf sabiet it-tielet l-aktar teatru antik fl-Ewropa jittellgħu produzzjonijiet artistiċi tul is-sena kollha.

Mibni fl-1731 mill-Gran Mastru Manoel de Vilhena li tah ukoll ismu, it-teatru ġie mgħammar b’sistema ta’ ventilazzjoni u akklimatizzazzjoni, li tikklimatizza l-arja skont l-istaġun.

Is-sistema taħdem billi tgħaddi ilma sħun jew kiesaħ mis-saqaf u mal-art, u se tgħin biex it-temperatura mixtieqa, il-livelli tal-umdità u l-kwalità tal-arja jinżammu kostanti matul is-sena kollha filwaqt li tillimita l-ġenerazzjoni tal-kurrenti tal-arja u l-ħsejjes fit-teatru.Is-sistema se topera l-ħin kollu u tevita bidliet drastiċi fit-temperatura li kieku tirriżulta f’danni għax-xogħol sabiħ tal-injam u għall-pitturi prezzjużi ta’ dan it-teaturi li għal għexieren ta’ snin kienu l-uniku post li laqa’ produzzjonijiet kulturali fil-gżejjer Maltin.

Minħabba s-sħana, il-produzzjonijiet artistiċi fit-Teatru kienu jieqfu f’April u jerġgħu jibdew f’Ottubru.

Iżda issa b’din is-sistema, fix-xhur sħan tas-sajf jistgħu jibqgħu jittellgħu produzzjonijiet artistiċi.

Apparti dan l-investiment saret riabilitazzjoni tas-saqaf kif ukoll twaħħlu siġġijiet ġodda fil-platea.

Is-siġġijiet huma ddisinjati biex jikkumplimentaw l-istil barokk tat-teatru, bl-ispettatur jista’ jgawdi l-palk aħjar. Is-siġġijiet li kien hemm qabel kienu tqiegħdu madwar tletin sena ilu u kienu fi stat dgħajjef ħafna.

Aktar minn hekk, l-art tal-platea ġiet magħmula wkoll mill-ġdid mill-injam.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Il-Ministru għall-kultura Owen Bonnici ħabbar li se jsir restawr tal-Faċċata tat-teatru Manoel. Xogħol li se jibda f’Jannar u jitlesta f’Settembu minħabba li x-xogħlijiet se jidħlu f’għadd ta’ fazijiet.

Il-Ministru Owen Bonnici zied jgħid li dan kollu se jtejjeb l-esperjenza fit-teatru, filwaqr li s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li dan il-proġett hu wieħed minn ħafna li l-Gvern qed jimplimenta mill-programm tal-perjodu 2014-2020, b’investiment ta’ iktar minn €80 miljun għall-kultura.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend