Il-valur tal-propjetà f'Malta bl-akbar kisbiet fid-dinja | One News

Notifiki

Il-valur tal-propjetà f’Malta bl-akbar kisbiet fid-dinja

Indiċi tal-prezzijiet tad-djar madwar id-dinja juri l-valur tal-proprjetà f’Malta rreġistra l-ogħla gwadann fil-prezzijiet tal-proprjetà madwar id-dinja.

L-indiċi ppubblikat minn Knight Frank LLP, l-akbar aġenzija fid-dinja dwar is-suq tal-proprjeta kejjel iċ-ċaqlieq fil-prezzijiet fis-suq tal-proprjetà mawar id-dinja bejn April u Ġunju li għadda.

Ingħad li Malta għelbet lil Hong Kong bil-valur tal-proprjetà residenzjali jiżdied bi 17%.L-indiċi jattribwixxi dawn iż-żidiet għan-nuqqas ta’ propjetà disponibbli f’Malta fimkien ma’ ekonomija b’saħħitha li kibret b’6.6% matul is-sena li għaddiet flimkien ma’ industrija teknoloġika li qiegħda tkompli żżid id-domanda għall-propjetà f’pajjiżna.

Ir-rapport qal li Malta qabżet lil Hong Kong, li għandha l-aktar suq tal-proprjetà fid-dinja li mhux affordabbli. Fil-fatt għall-ewwel darba wara għaxar snin, Hong Kong ġiet ikklassifikata fit-tieni post, b’żidiet fil-prezzijiet ta’ 16%.

Ir-rapport jgħid li Hong Kong kien ilu jirreġistra l-ogħla żidiet fil-prezzijiet fid-dinja sa mill-2009 u li l-prezzijiet mistennija jibqgħu stabbli minħabba żieda li jistgħu jkun hemm fl-imgħaxijiet.

Wara Malta u HongKong, l-indiċi ta’ Knight Frank li jiġbor fih 57 pajjiż, isegwu l-Latvja, is-Slovenja u l-Ungerija li rreġistraw żieda ta’ aktar minn 10%.

Mill-banda l-oħra il-prezzijiet fl-Ukrajna, il-Peru u l-Arabja Sawdija rreġistraw l-akbar tnaqqis.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend