Naħqa ta’ ħmar – One News

Notifiki

Naħqa ta’ ħmar

Mela tat-Times għoġobhom jagħmlu survey online,  u jistaqsu lill-qarrejja tagħhom.  Dawk l-istess li jagħmlu ħafna kummenti,  u huma krema fuq il-krema.  Qishom is-sriep li jobżqu l-velenu l-ħin kollu,  naturalment kontra l-Partit Laburista,  u l-aktar kontra Joseph Muscat.

Mela l-mistoqsija kienet :

  1. Inti trid li l-monument ta’ Daphne jkun ma’ tal-Assedju l-Kbir ?
  2. Jew il-Bidnija ?
  3. Jew f’xi post pubbliku ieħor ?
  4. Jew m’għandux ikun hemm monument ?

Jien bdejt nara kif inhu sejjer l-istess vox pop,  jew survey.  U oħroġ il-għaġeb il-maġġoranza assoluta qalu li ma jridu monument imkien.  Dawk li rieduh mal-monument tal-Assedju kien biss 33%.   U vvutaw aktar minn 8,000.

Stennejt xi ħaġa differenti.   Jekk wieħed imur jistad f’vaska tal-ilma ħelu,  fejn hemm ħut tal-ilma ħelu,  ma tistax tistenna li taqbad xi lampuka.   Minn ċorma Nazzjonalista bħal dik,  wieħed bir-raġun kien jistenna li l-vot online kien se jkun qawwi favur li kollox imur quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir.

Dik kienet l-intenzjoni.  Għax l-ewwel mistoqsija hemm kienet immirata.  L-ewwel ma tiekol l-għajn.  Umbaghad wieħed ma jistax jinsa l-pożizzjoni li ħadet it-Times meta ttellgħu l-kisjiet quddiem il-monument tal-Assedju.  Kien ċar li riedu li din l-istorja tibqa’ sejra.

Dan kollu jfakkarni fi kliem li kien qal is-Sindku tal-Belt Valletta.  Meta staqsewh għala ma ħax passi,   l-ewwel qal li ma kellux kontroll fuq is-sitwazzjoni tal-monument ( u hawn kellu raġun,  ghax il-monumenti jaqgħu taħt Heritage Malta)  imma mbaghad żied li dak li kien qed isir hemm ir-rieda tal-poplu !!!

Naħseb issa ħadha r-risposta l-Profs Alexiei Dingli,  li saħansitra fost il-qarrejja tat-Times online ,  lanqas hemm maġġoranza favur li jkun hemm monument bħal dak suġġerit.

Miegħu naħseb li ħadu risposta dawk li kien ilhom jinħqu.   Il-vot demokratiku (mhux hekk)  umbagħad immexxi minn ġurnal li hu assolutament indipendenti,  u ma jxaqlibx lejn il-PN b’ġurnalisti bħal Ivan Camilleri,  jagħti garanzija tar-rieda tal-poplu.

Għax sew  jgħid il-qawl Malti li l-ħanqa tal-ħmar qatt ma telgħet is-sema.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend