Tel Aviv il-belt magħżula biex tilqa' l-Eurovision 2019 | One News

Notifiki

Tel Aviv il-belt magħżula biex tilqa’ l-Eurovision 2019

Tel Aviv hija l-belt li se tilqa’ l-Eurovision Song Contest li ġej.

Wara stennija twila ta’ ġimgħat li fihom kienet qed tikber l-inċertezza dwar fejn se jsir il-Eurovision Song Contest, l-European Broadcasting Union (EBU) ħabbret li l-Eurovision se jsir f’Tel Aviv nhar l-14, is-16 u t-18 ta’ Mejju li ġej.

Kien hemm mistoqsijiet kbar dwar id-data tal-finali tal-Eurovision hekk kif ġimgħa wara, diversi pajjiżi parteċipanti fil-Eurovision se jkunu għaddejin bl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.Il-Eurovision se jkun qed isir ġewwa l- Expo ta’ Tel Aviv magħrufa bħala l-International Convention Center.

Għalkemm għadu mhux ċar kemm dan il-post jista’ jesa’ nies, hu mifhum li se jkunu qrib l-għaxar t’elef ruħ li jistgħu jkunu bħala udjenza f’dan il-festival segwit minn fuq it-televiżjoni minn mitejn miljun ruħ.

It-taqtiegħa għal min se jilqa’ l-Eurovision kienet bejn tliet t’ibliet u dik l-aktar ħarxa kienet bejn Tel Aviv u Ġerusalemm, b’din tal-aħħar jidher li ma ntgħażlitx minħabba numru ta’ kontroversji politiċi li setgħet tqajjem.

Sadanittant l-EBU għadha qed tistenna garanzija mill-Gvern Iżraeljan ta’ Benjamin Netanyahu biex dawk kollha li jixtiequ jmorru Tel Aviv isegwu dan il-festival, jagħmlu dan mingħajr xkiel.

Ritratt: KAN

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend