Jekk m’għandekx fejn tmur il-Ħadd, mur lura fiż-żmien! – One News

Notifiki

Jekk m’għandekx fejn tmur il-Ħadd, mur lura fiż-żmien!

Nhar il-Ħadd li ġej, il-Katakombi Ta’ Bistra se jkunu miftuħa għall-pubbliku bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Mosta. Il-Katakombi Ta’ Bistra huwa l-akbar kumpless ta’ oqbra u katakombi li nstab s’issa il-barra mir-Rabat, Malta. Peress li qiegħed f’distanza ta’ madwar 15 il-minuta miċ-ċentru tal-Mosta, dan is-sit ta’ Heritage Malta huwa ideali biex jikkumplimenta lil postijiet popolari oħra fl-inħawi, fosthom il-Bażilika tal-Assunta, li hija aktar magħrufa bħala r-Rotunda tal-Mosta.Dawn il-katakombi Paleokristjani li jmorru lura għar-4 seklu WK tnaqqxu ġewwa medda vertikali li tħares fuq San Pawl il-Baħar. Is-sit huwa 90 metru twil u jikkonsisti minn 57 qabar imqassma f’16 il-kmajra. Għalkemm dawn l-oqbra ġew inizzjalment dokumentati lejn l-aħħar tas-snin 1880, kienu biss investigati arkeoloġikament fl-1933 mill-Kaptan Charles Zammit. Din id-dokumentazzjoni saret minħabba li dawn l-oqbra kienu maħsuba biex jinqerdu ħalli jagħmlu post għal triq ġdida li kellha twassal għal Burmarrad. Inċidentalment, fl-2004, il-Katakombi Ta’ Bistra reġgħu tfaċċaw waqt li kien qiegħed isir moniteraġġ arkeoloġiku minħabba xi xogħolijiet fl-inħawi. Kien hawn li ġie żvelat li wara kollox il-katakombi ma kienux inqerdu.

Matul is-snin, inbena razzett fuq dawn l-oqbra u dan hu maħsub li kkaġunalhom ħsarat, anki peress li kien hemm żmien meta nżammu xi annimali fil-post. Barra minn hekk, sar ukoll żvilupp ieħor f’dawn l-inħawi, fosthom il-bini ta’ numru ta’ vilel, flimkien ma’ triq prinċipali li tgħaqqad il-Mosta mar-Rabat. Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija jingħad illi dan is-sit serva wkoll bħala xelter għan-nies tal-post.

Il-Katakombi Ta’ Bistra huma maħsuba li jiffurmaw parti minn sistema akbar ta’ oqbra u katakombi li jista’ jkun li ġarrbet xi ħsarat minħabba t-tħaffir estensiv tal-barrieri fl-inħawi, partikolarment għall-ġebel li ntuża biex tinbena l-knisja tar-Rotunda għall-ħabta tal-1833.

Is-sit tal-Katakombi Ta’ Bistra ifforma parti minn tliet proġetti iffinanzjati mill-U.E. li taw lwog għal xogħol estensiv ta’ skavar arkeoloġiku, dokumentazzjoni u preservazzjoni ta’ dawn l-oqbra antiki, restawr tar-razzett li jinsab fuq l-oqbra, u d-disinn u l-kostruzzjoni ta’ struttura adattata biex tipproteġi dawn il-fdalijiet arkeoloġiċi.

Illum il-viżitaturi jistgħu jesploraw dawn il-katakombi kif ukoll jagħmlu użu mill-faċilitajiet eċċellenti li hemm fis-sit, fosthom parkeġġ spazzjuż u żona għat-tfal. Ir-razzett restawrat li jinsab fuq parti minn dawn l-oqbra huwa disponibbli biex jinkera għal diversi attivitajiet.

Il-Katakombi Ta’ Bistra jinsabu fi Triq il-Missjunarji Maltin, il-Mosta.

Is-sit ikun miftuħ għall-pubbliku kull nhar ta’ Tlieta, il-Ħamis u s-Sibt, bejn id-9:00am u l-5:00pm (l-aħħar dħul fl-4:30pm). Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend