L-MDA lesta tidħol f’sħubija mal-Gvern għal kiri ta’ appartamenti bi €300 u €400 fix-xahar għal skop soċjali – One News

Notifiki

L-MDA lesta tidħol f’sħubija mal-Gvern għal kiri ta’ appartamenti bi €300 u €400 fix-xahar għal skop soċjali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li dalwaqt se tiġi ppublikata l-whitepaper tar-riforma fil-liġi tal-kera li se tfassal parametri sabiex tipproteġi lil dawk vulnerabbli.

Dan filwaqt li s-suq tal-kera jitħalla jopera b’mod ħieles kemm jista’ jkun u dawk li għandhom propjeta magħluqa jiftħuha għall-kiri.

F’laqgħa f’Kastilja mal-membri tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-izviluppaturi, Dr Muscat qal li jistenna li r-riforma fil-liġi tal-kera mistennija toħloq kontroversja. Qal li din mhux se tkun għal dawk li jaffordjaw jikru vilel u postijiet lussużi, imma għal dawk li qegħdin jgħixu f’sitwazzjoni inaċċettabbli/

Il-Prim Ministru qal li mhux aċċetabbli li għandna ħafna kirjiet mhux irreġistrati u ħabbar li se tidħol sistema li tobbliga lill-kerrejja jirreġistraw il-kirjiet.

Dr Muscat qal li f’pajjizna hawn mat-tmenin fil-mija tal-Maltin li huma sidien ta’ darhom, bil-familji qegħdin jaraw il-ġid li investew fil-propjetà tagħhom dejjem jiżdied. Madankollu għaraf li 20 fil-mija ma jistgħux ikunu sidien ta’ darhom u għalhekk fil-budget il-Gvern se jieħu miżuri biex jgħin familji li ġenwinament ma jistgħux ilaħħqu mal-kirjiet.

Min-naħa tiegħu l-President tal-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi Sandro Chetcuti qal li kull xiber art f’pajjiżna jiswa mitqlu deheb u l-assoċjazzjoni tħossha responsabbli biex tkun spalla għal dawk li jaqgħu lura.

Huwa ressaq għadd ta’ proposti għall-baġit tas-sena d-dieħla fosthom li l-assoċjazzjoni tidħol fi sħubija mal-gvern biex ikun hawn appartamenti, li jinkrew bi tlett mija u erba mitt ewro fix-xahar għal skopijiet soċjali.

Is-Sur Chetcuti qal li l-membri tal-assoċjazzoni lesti li jżidu l-paga b’ta l-anqas 20 fil-mija għan-nies li jaħdmu fil-kostruzzjoni basta  jkollhom l-iskill card. Huwa żied jgħid ukoll li jekk ikollhom inċentiv, lesti jidħlu garanti għall-għaxra fil-mija tad-depożitu li jitolbu l-banek biex joħroġu s-self.

Huwa nnota t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta u qal li jeħtieġ li pajjizna jkompli miexi b’dan il-momentum pożittiv li qabad anki fejn jidħlu proġetti infrastrutturali għax qal li dawn se jkollhom effett importanti fil-ġejjieni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend