Il-liġi Maltija tal-Whistleblower fost l-aqwa fid-dinja | One News

Notifiki

Il-liġi Maltija tal-Whistleblower fost l-aqwa fid-dinja

Il-Liġi maltija tal-whistleblower hija fost l-aqwa fl-Ewropa hekk kif hija waħda mill-iktar robusta u tinkorpora fiha l-maġġoranza tal-istandards ewropej u internazzjonali. Din kienet il-konklużjoni ta’ rapport ippubblikat mill-organizzazzjoni ‘Blueprint for Free Speech’ li jimxi fuq l-istudju ‘Gaps in the System’ iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Dan hekk kif Malta kisbet it-tieni l-ogħla marka mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. B’riżultat ta’ madwar disa’ u ħamsin fil-mija Malta ġabet biss madwar tmien marki inqas mill-Irlanda li kklassifikat fl-ewwel post f’dan l-istudju.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici saħaq kif dan ir-rapport ikompli juri kemm dan il-gvern jħares ir-rule of Law u l-libertà tal-espressjoni bil-fatti.

“Ir-rule of law, is-saltna tad-dritt, faċli titkellem dwarha, hu iktar diffiċli li twettaq il-bidliet li isaħħu r-‘rule of law’. U dan il-gvern wettaq bidliet li jsaħħu s-saltna tad-dritt u r-rule of law. Fosthom b’liġi tal-whistleblower. Huwa sodisfazzjon kbir illi jkollok iċ-ċertifikat b’saħħtu ħafna minn awtoritá indipendenti ffinanzjatha mill-Unjoni Ewropea li tgħid illi pajjiżna l-liġi tagħha hija waħda mill-aqwa li għandna fl-Ewropa jekk mhux fid-dinja.”

Ir-rapport jisħaq li l-liġi tal-Whistleblower f’pajjiżna toffri waħda mill-iktar sistemi protettivi b’saħħithom hekk kif teżenta lill-whistleblower mir-responsabbilità fi proċeduri civili u kriminali.

Ir-rapport isemmi kif Malta hi waħda minn żewġ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li tipproteġi lill-whistleblower minn prosekuzzjoni punittiva, speċjalment dawk li jiżvelaw informazzjoni sensittiva.
Dan filwaqt li pajjiżna huwa wieħed minn tmien pajjiżi ewropej li għandhom aġenziji responsabbli li jirċievu r-rapporti tal-whistleblower.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend