Iħabbar bi 8 miljun ewro f’proġetti soċjali ffinanzjati minn Norveġja – One News

Notifiki

Iħabbar bi 8 miljun ewro f’proġetti soċjali ffinanzjati minn Norveġja

Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia dalgħodu ħabbar numru ta’ proġetti soċjali li jagħmlu parti mil-programm 2014-2021 u ffinanzjati minn Norveġja bil-għan li jitnaqqas il-faqar u jkompli jgħin fl-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna.

Saru ammont ta’ proġetti soċjali taħt il-programm 2014-2021 ffinanzjati minn Norveġja u mill-pajjiżi taż-żona Ekonomika Ewropea fosthom:

  • It-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali fis-saħħa, implimentat mill-Ministeru tas-Saħħa, €2,407,059, Opportunity Knocks (OK), implimentat mill-Agenzija Appoġġ ġewwa FSWS, €941,176.
  • Taħriġ għal ħaddiema tal-kunsilli lokali fil-prinċipji ta’ governanza tajba, trasparenza u kontabbilta’, €200,000 miżjud mal-€1.1 miljun diġa allokati għal-kunsilli lokali fiż-żoni urbani għad-Dipartiment tal-Gvern Lokali ma’ l-MJCL
  • Riġenerazzjoni tal-Mużew Marittimu ta’ Malta, implimentat mill-Heritage Malta, €2,015,529

Ewropa socjali, jew aħjar, il-mudell soċjali Ewropew, hija l-viżjoni li l-Gvern għandu u li llum il-ġurnata qiegħed jimplimenta b’miżuri u proġetti prattiċi. Dan il-mudell, li għandu jwassal għal tkabbir ekonomiku sostenibbli flimkien ma’ livell għoli ta’ għixien u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, illum qed ngħixuh permezz ta’ proġetti li qed jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej.

Qal dan is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia meta dalgħodu ħabbar numru ta’ proġetti soċjali li jagħmlu parti mil-programm 2014-2021 u ffinanzjati minn Norveġja u mill-pajjiżi taż-żona Ekonomika Ewropea, li permezz tagħhom se jiġi mitigat in-numru ta’ tfal, żgħażagħ u persuni vulnerabbli li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew li jiġu marginalizzati fost prijoritajiet oħrajn.

Farrugia qal li Ewropa soċjali hi c-ċavetta biex il-Membri Stati Ewropej jindirizzaw ir-riperkussjonijiet li ħalliet warajha l-kriżi finanzjarja internazzjonali kif ukoll l-impatt li s-suq ewlieni Ewropew ħalla fuq iċ-ċittadini Ewropej minħabba kompetizzjoni soċjali u fiskali iktar ħarxa. Huwa elenka diversi sfidi ohra, fosthom populazzjoni li qegħdha dejjem tixjieh, is-sostenibilita’ tal-benefiċji soċjali li pajjiżna jipprovdi, kif ukoll it-trasformazzjoni diġitali li qed ngħixu u li qed timpatta l-industriji u n-negozji.

Is-Segretarju Parlamentari qal li fil-kuntest ta’ żieda notevoli fil-popolarita’ ta’ forzi ewroxettiċi u populisti, Gvern għaqli jindirizza l-inugwaljanzi u d-diverġenzi fil-pajjiż, kif ukoll jaċċerrta li jkun hemm konverġenzi soċjali u ekonomiċi mal-istrata kollha tas-soċjeta’.

Fid-dawl ta’ dan kollu, proġetti ffinanzjati bil-fondi Ewropej jistgħu jgħinu b’investiment neċessarju. Pajjiżi bħan-Norvegja, Liechtenstein u l-Izlanda huma pijunieri fil-mudell soċjali li rridu ghal pajjiżna u r-relazzjonijiet fil-qrib magħhom jawguraw tajjeb għal ġejjieni. Malta se tkun qed tibbenefika €8 Miljun mill-EEA u fondi mill-Gvern Norveġiz taħt il-programm 2014 u 2021 b’miri ċari, dawk li jassistu fl-iżvilupp urban ta’ pajjiżna u l-miri li l-Gvern għandu biex ikompli jnaqqas il-faqar.

Minn naħa tagħha, l-Ambaxxatriċi Norveġiża għal Malta Margit Tveitan stqarret il-programm jgħin biex jitkattru r-relazzjonijiet bilaterali u l-bdil tal-għerf misbuq bejn iż-żewġ naħat isaħħaħ ir-relazzjoni bejn Malta u n-Norveġja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend