Elett Provinċjal ġdid għall-Karmelitani f'Malta | One News

Notifiki

Elett Provinċjal ġdid għall-Karmelitani f’Malta

Nhar it-Tnejn 10 ta’ Settembru ġewwa d-Dar tat-Talb «Lunzjata», Ir-Rabat, il-Provinċja Karmelitana Maltija ta’ S. Elija, fil-preżenza tal-Pirjol Ġenerali W. R. P. Fernando Millán Romeral O.Carm. flimkien mal-Kunsillier Ġenerali għall-Ewropa W. R. P. John Keating O.Carm., iċċelebrat il-ftuħ tal-Kapitlu Provinċjali 2018 li fih W. R. kien elett u kkonfermat Pirjol Provinċjali għat-tliet snin li ġejjin.

Flimkien miegħu kienu eletti u kkonfermati Kunsillieri Provinċjali P. Mark Attard O.Carm., P. Charlò Camilleri O.Carm., P. Jürgen Cucciardi O.Carm. u P. Anthony Cilia O.Carm. Fis-sena li fiha l-Provinċja qegħda tiċċelebra ċ-Ċentinarju tas-600 mitt sena ta’ preżenza Karmelitana f’Malta, il-Kapitlu Provinċjali jġib bħala tema ta’ riflessjoni “L-ispirtu ta’ Elija straħ fuq Eliżew (2 Slat. 2,15): Fedeltà u Tiġdid.”

P. Joseph Saliba O.Carm. twieled fl-24 ta’ Marzu 1955 minn Saviour Saliba u Annie née Gatt u tgħammed fil-Bażilika ta’ S. Elena, Birkirkara. Huwa daħal fl-Ordni Karmelitan f’Lulju 1973. Ipprofessa l-ewwel voti f’idejn il-Provinċjal P. Ewġenju Tonna O.Carm. fid-9 ta’ Settembru 1976 fis-Santwarju-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta. Imbagħad, ipprofessa il-voti solenni f’idejn il-Provinċjal P. Manwel Gatt O.Carm. fit-3 ta’ Lulju 1979 fil-knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, Il-Balluta. Sena wara, fis-6 ta’ Lulju 1980 ordna presbiteru fil-knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, Il-Balluta, mill-E.T. Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

Huwa studja l-filosofija u t-teoloġija fl-INSERM bejn l-1973 u l-1980. Fl-1980 intbagħat Ruma fejn kompla jispeċjalizza l-istudji tiegħu fit-Teoloġija Spiritwali fil-Pontificia Facoltà Tersianum minn fejn kiseb il-Liċenzjat fit-Teoloġija fl-1982. Lura Malta, huwa kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta minn fejn kiseb il-Baċċellerat fl-Edukazzjoni fl-1988. Matul is-snin tiegħu fl-Ordni, fi ħdan il-Provinċja Karmelitana Maltija, huwa qeda diversi uffiċċji, fosthom Pirjol tal-komunitajiet ta’ Fleur-de-Lys u Santa Venera, Kunsillier Provinċjali, Segretarju Provinċjali, Delegat Provinċjali għat-Terz Ordni, Direttur għall-Promozzjoni Vokazzjonali u l-Ħidma maż-Żgħażagħ, Editur tar-Rivista Il-Karmelu, Rettur ta’ Mt Carmel College, Membru tal-Formation Team, u Surmast tal-pre-novizzi. Huwa kien ukoll Kappillan tal-Parroċċi tal-Fgura, Fleur-de-Lys, Santa Venera, u l-Balluta.

Fi ħdan id-Djoċesi ta’ Malta huwa kien ukoll għal żmien twil Segretarju tal-Kulleġġ tal-Kappillani u rappreżentant tal-Provinċja fil-Kunsill Presbiterali. Awguri lill-Provinċjal P. Joseph Saliba O.Carm.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend