ARA: Omm Liam Debono tiċħad li tagħtu d-droga ta’ 9 snin – Tikkundanna dak li għamel – One News

Notifiki

ARA: Omm Liam Debono tiċħad li tagħtu d-droga ta’ 9 snin – Tikkundanna dak li għamel

Viżibbilment emozzjonata minħabba dak li qal dwarha binha fl-awli tal-Qorti, omm Liam Debono, il-ġuvni mixli bl-attentat ta’ qtil tal-pulizija Simon Schembri, ċaħet li kienet tagħtih id-droga fl-età ta’ disa’ snin.

F’intervista ma’ ONE NEWS, Charlotte Zammit qalet li tinsab imweġġgħa meta saret taf mill-mijda bl-akkużi li għamel binha fil-konfront tagħha.

Iweġġgħek ħafna anki tara lill-familjari ta’ madwarek isofru minnha għal xejn b’xejn u ma jafux x’inhi s-sitwazzjoni għax jiena naf li mhux għax irid imma għax marid u xorta nħobbu. Weġġani u rrabjata ħafna għalih ma niflaħx inkellmu jew narah imma xorta ibnek jibqa’ imbagħad in-nies tkompli tniggżek u l-ħin kollu Liam Debono għamel hekk u għamel hekk il-ħin kollu.

L-għada li kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Liam Debono, ommu qalet li kellmitu, u qalilha li qal dak id-diskors għax kien irrabjat għaliha u ried ipattihielha.

Irrefera li kien irrabjat għaliha u għalhekk għamilli hekk biex ipattihieli għax ħadtlu l-kelb qal.

Bid-dokumenti f’idejha mill-Isptar San Luqa, l-iskola li kien jattendi u mill-Aġenzija Appoġġ, Charlotte rrakkontat kif Liam kien tifel normali meta bħal f’sajjetta fil-bnazzi, irribella b’mod li la hi u lanqas qrabatha ma setgħu jikkontrollawh.

Bagħat għalina s-surmast u qalilna li hemm bżonn li nieħdu passi għax anki ħarab mill-iskola, beda jhedded li jweġġa’ lili nnifsu. Ħadnih għand il-psikjatra l-isptar St. Luke’s, ħadnih statementing board il-Ħamrun, l-Appoġġ, kollha kellmuh waħdu u flimkien magħna. Kien segwit dejjem u ordnawlu li jieħu t-trattament tal-pirmli għall-ADHD.

Pirmli li kienu jingħatawlu anki l-iskola, bl-omm tistqarr li kienet tmur infermiera apposta meta kien jaġixxi b’impulsività.

Filfatt, f’ittra mibgħuta f’Marzu tal-elfejn u għaxra, omm Liam ġiet infurmata li fl-erbgħa ta’ Marzu tal-istess sena, Liam ħarab mill-iskola u f’numru ta’ okkażjonijiet tkellem dwar ix-xewqa li jtemm ħajtu.

F’imejl mibgħutha mill-iskola fejn kien jattendi datata t-tnax ta’ Novembru elfejn u għaxra, intqal li għalkemm kien qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa, l-għalliema tiegħu tħoss li ma tista’ tagħmel xejn iżjed.

Iżda għalkemm Liam Debono għandu din il-kundizzjoni medika, ommu kkundannat dak li għamel u qalet li jiddispjaċiha ħafna.

Tweġġagħni l-aktar għax naf li l-Kuntistabbli baqa’ ħaj imma ma jistax jipprattika ċertu affarijiet naf li jħobb il-muturi, tweġġani ħafna dik imma l-ieħor ibni jibqa’. Sikkina taqta’ miż-żewġ naħat pero nikkundanna li għamel mhux li ħadt pjaċir b’dak li għamel żgur jew ħa ngħidlu bravu.

Intant matul il-jum, l-avukati ta’ debono ressqu protest ġudizzjarju jilmentaw mill-preżenza tal-president waqt dimostrazzjoni fil-belt għax skonthom affettwat il-fehma pubblika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend