San Ġiljan jirbħu l-kompetizzjoni K.O. tal-waterpolo | One News

Notifiki

San Ġiljan jirbħu l-kompetizzjoni K.O. tal-waterpolo

San Giljan TUM Invest rebħu l-kompetizzjoni BOV Knock Out tal-kampjonat Premier tal-waterpolo meta f’finali drammatika fil-pixxina nazzjonali Tal-Qroqq it-Tlieta filgħaxija huma għelbu lil Neptunes Leo Vegas bl-iskor ta’ 10 -9.

Finali li sat-tielet sessjoni dehret li se tmur favur Neptunes, iżda San Ġiljan wettqu reazzjoni inkredibbli fl-aħħar sessjoni b’ Ben Plumpton ikun l-eroj għalihom bil-goal tar-rebħa żewġ sekondi mit-tmiem.

San Giljan rebħu l-ewwel sessjoni 2-1, b’goals ta’ Matthew Zammit u Paul Fava, b’Gabriel Pace jiskorja għal Neptunes.

Neptunes irreagixxew fit-tieni sessjoni b’rebħa ta’ 3-1. Il-goals tagħhom wasslu minn dopjetta ta’ Petar Muslim u goal ta’ Jordan Camilleri. Ghas-saints skorja Ben Plumpton.

Neptunes komplew iżidu l-pressjoni fit-tielet sessjoni, sessjoni li rebħu 4-2. Spikka hat trick ta’ Stevie Camilleri flimkien ma’ goal tal-captain Niki Lanzon. Għal San Ġiljan skorjaw Ben Plumpton u Dino Zammit.

Iżda hekk kif deher li Neptunes  setgħu jirbħu din il-finali u jwettqu d-double, bdiet ir-reazzjoni tal-Ġiljaniżi. Goals ta’ Matthew Zammit, Paul Obradovic u Dino Zammit għamlu l-iskor indaqs.

Gabriel Pace reġa’ tefa’ lil Neptunes minn fuq, iżda 21 sekonda mit-tmiem Paul Obradovic ghamel l-iskor 9-9.

Meta kien fadal żewġ sekondi biss għal tmiem il-logħba, Ben Plumpton skorja l-goal tar-rebħa.

Ċelebrazzjonijiet kbar fil-pixxina nazzjonali hekk kif il-Captain Matthew Zammit ġie ippreżentat bit-tazza mill-uffiċjal kap tal-BOV Anthony Scicluna, fil-preżenza tal-President tal-ASA Joe Caruana Curran.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend