“Kif irnexxieli naħrab mill-81 sular tal-World Trade Centre” – One News

Notifiki

“Kif irnexxieli naħrab mill-81 sular tal-World Trade Centre”

Il-11 ta’ Settembru 2001 biddel kollox. Biddel ir-relazzjonijiet diplomatiċi tal-Istati Uniti mal-bqija tad-dinja. Biddel l-oqsma tax-xandir u l-ġurnaliżmu, iżda fuq kollox biddel ħajjet diversi persuni li tilfu qraba f’dan l-attakk imdemmi, jew dawk l-“ixxurtjati” li b’xi mod, irnexxielhom jaħarbu mit-tifrik tal-World Trade Centre.

Tul dawn l-aħħar 17-il sena kienu diversi r-rakkonti dwar dan l-attakk. Min irrakonta kif tilef lil żewġu qalb dik il-biċċerija tad-demm, ħaddiema tas-salvataġġ jirrakkuntaw kif irnexxielhom isalvaw diversi persuni, u saħansitra ħaddiema tal-World Trade Centre stess irrakkontaw mal-midja kif irnexxielhom jaħarbu.

Din hija l-istorja ta’ Michael Wright, ħaddiem fil-World Trade Centre, li 17-il sena wara, għadu ma jafx għandux ikun grat li rnexxielu jaħrab mill-attakk, jew jisħet xotrih minħabba t-trawma li għadu jġorr miegħu sal-lum…

“Kien nhar ta’ Tlieta pjuttost normali. Is-soltu nhar ta’ Tlieta konna nieħdu kolazzjon flimkien fl-uffiċċju, u nirrankaw naħdmu. Niftakar kelli burdata tajba.

F’daqqa waħda ħassejna bħal terremot…Kollha kemm aħna tlifna l-bilanċ fl-uffiċċju, u bqajna nħarsu lejn xulxin. Ħsibna li sploda l-main tal-gass. Imma kif ftaħt il-bieb u rajt in-nar, malajr bdilt il-ħsieb.

Niftakarni nisma’ t-twerżieq, tħanxira li bħalha qatt ma smajt f’ħajti. Il-lift li konna nużaw biex nidħlu u noħorġu mill-uffiċċju kien ħa n-nar. Kont naf fejn kien hemm it-taraġ għal isfel, u bdejt ngħajjat kemm niflaħ biex kulħadd ifittex jinżel.

Kont naf li qed tiġri xi ħaġa diżastruża. Tgħid kienet bomba?

Kieku ma tantx domna biex ħriġna mit-torri, iżda mbagħad intbaħt. Mill-mera stajt nara t-torri jaqa’ minn fuq. It-torri li kont fih jien. Ma nafx kif taqbad  iddeskrivi l-ħoss ta’ torri ta’110 sular jaqa’ għal fuqek. Id-debris deher jaqa’ fid-direzzjoni li fiha kont miexi jien, allura l-istint qalli biex nerġa’ niġri lura fid-direzzjoni tat-torri.

Niftakarni nintefa’ mal-art, ngħajjat lil marti u lil ibni, u ngħatti rasi. F’daqqa waħda, kollox kien iswed. Ħassejtni bħal tifel żgħir fuq xi bajja meta jagħlaq għajnejh u jisma’ biss il-ħoss tal-baħar u tat-tfal. Minflok jien smajt qrid, u xammejt riħa qarsa ta’ nar.

Kont qawwi u sħiħ taħt minjaf kemm-il biċċa materjal ta’ bini fuqi. F’daqqa waħda ġiet bħal saħħa barranija fuqi, u għidt li rrid ngħix għal marti u għal ibni.

Imbuttajt b’kemm kelli saħħa kwalunkwe oġġett li kien hemm fin-nofs, u meta rajt dawl ġej lejja, ħadt ir-ruħ. Kienu uffiċjali tas-salvataġġ.

Qbadt magħhom qisni  qarnita, u sgassaw il-bieb b’kemm kellhom saħħa, tlaqt niġri. Bdejt nipprova nsib telephone biex inċempel lil tad-dar. Kont għadni ħaj.

Ħarist lura u rajt  fjamma kbira. Għal mument, ħsibtni mort lura għal żmien l-Olokawst.

Fl-aħħar, dħalt fil-kampus tal-kulleġġ ta’ New York fejn kien jaħdem ħija, u xi ruħ tajba offrietli mobile biex inċempel lil marti.

Leħinha qatta ma nstema’ daqshekk sabih.

“Għadni ħaj….inħobbok…”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend