Ara: "Xbajt inkun kattiv miegħi innifsi…irrid ngħix" | One News

Notifiki

Ara: “Xbajt inkun kattiv miegħi innifsi…irrid ngħix”

Bdiet  il-ġimgħa ddedikata għall-għarfien u l-prevenzjoni tas-suwiċidji.

Statistiċi mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa juru li sfortunatement, mal-miljun persuna jikkommettu suwiċidju kull sena, medja ta’ mewta kull 40 sekonda.

Bosta jistaqsu xi jwassal biex persuna tħoss li m’hemm ebda triq oħra għaliha.

ONE News tkellem ma’ Jeffrey*, li qabel li jkellimna dwar l-esperjenza tiegħu b’mod anonimu.

“Kienet fis-saħna tal-mument ta’ tensjoni u dwejjaq kbar li kont inħossni qed inkun ta’ toqol żejjed fuq il-qraba tiegħi. Kont inħossni li huma kienu jkunu kollha aħjar li kieku jien ma kontx inkun hawn”.“Pruvajt nieħu ħajti b’idi diversi drabi. Kont nibla’ ħafna pilloli f’daqqa bit-tama li ninħeles mid-dwejjaq u l-uġigħ li kont inħoss. Kemm-il darba kont naħseb fuq modi faċli u mgħaġġla kif nista’ ntemm ħajti”, sostna l-ġuvni.

Jeffrey qal li jbati minn attakki ta’ ansjetà koroh ħafna meta jkun fl-agħar tiegħu, “kienet tiġini bħal saħħa barranija, li naf li kulma stajt nimmaġina li nagħmel, nasal nagħmilha. Jekk per eżempju ridt nifqa’ l-mera ta’ kamarti għax iddejjaqt inħares lejn ir-riflessjoni tiegħi stess, kelli s-saħħa nagħmilha. Kont insib wens billi nweġġa’ lili nnifsi”.

Iżda fil-fond ta’ qalbu, Jeffrey kien jaf li mhux kuraġġuż biżżejjed biex itemm ħajtu b’idejh, u dan is-sentiment kien jikkawżalu ansjetà kbira.

“Kont ngħajjar lili nnifsi beżżiegħ. Kont nixtieq li ntemm kollox u neħles mill-uġigħ li kont mingħalija qed nikkawża lill-familja tiegħi bil-kundizzjoni li għandi u bil-mod kif nidher, imma kont nibża’ mill-konsegwenzi jekk din ma tirnexxix”.

Meta fl-aħħar sab il-kuraġġ jitkellem ma’ ommu dwar x’kien qed iħoss, ir-reazzjoni tagħha bidlitu għal kollox…

“Ibni, int qatt ma ddiżappuntajtni, imma jekk tagħmel hekk, ikun l-ikbar diżappunt ta’ ħajti”, qaltlu ommu mbikkma.

Minn dakinhar, Jeffrey inbidel għal kollox, u sar iħares lejn il-ħajja minn lenti kompletament differenti.

“It-terapista tiegħi qaltli naħseb ftit fuq kemm tkun differenti ħajjet in-nies ta’ madwari kieku jien m’hinix hawn. Kieku ommi mhux omm, u missieri mhux missier. Kieku l-ikbar ħabiba tiegħi qatt ma siefret, kieku jkun hemm desk vojt fl-uffiċċju fejn naħdem…”

Fl-aħħar, Jeffrey beda jgħix il-ħajja li dejjem xtaq, ħajja sempliċi, iżda mimlija hena u paċi.

“Ma stajtx nagħmel hekk lil ommi jew lil missieri, imma fuq kollox, ma stajtx nagħmel hekk lili nnifsi. Xbajt inkun kattiv miegħi innifsi. Wasal iż-żmien li nibda nħobb lili nnifsi”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend