Aġġornat: Tkompli tinstema' l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra s-Serb akkużat bil-qtil ta' Hugo Chetcuti | One News

Notifiki

Aġġornat: Tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra s-Serb akkużat bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti

F’Awla numru tlieta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta’ Hugo Chetcuti.

Fil-preżenza ta’ Bojan Cmelik, is-Serb akkużat bil-qtil tal-imprenditur, li kien imdawwar minn bosta uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, xehdu t-tobba u kirurgi li ħadu ħsieb lil Chetcuti fl-Isptar Mater Dei, flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija li kienu preżenti l-isptar u għenu fit-tfittxija tas-suspettat fil-lejl li seħħ l-attakk.L-ewwel li tela fuq il-pedina tax-xhieda kien il-kirurgu u konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza Dr. Jonathan Joslin, li qal kif it-telefonata ta’ emerġenza daħlet ħdax-il minuta qabel il-ħdax ta’ filgħaxija tas-sitta ta’ Lulju.

Fi triqtu lejn San Ġiljan meta kien ħdejn ir-roundabout tal-Kappara, ġie nfurmat li l-vittma – li sa dak il-ħin ma kienx jaf min hu, kien se jittieħed l-isptar b’karozza. Kien hemmhekk li saq lura lejn Mater Dei.

Hugo Chetcuti rifes l-għatba tal-Emerġenza sitt minuti qabel il-ħdax ta’ filgħaxija, u sa għoxrin minuta wara – proprju fil-ħdax u kwart, kien fit-teatru tal-operazzjonijiet.

Id-deċiżjoni li jiġi operat ittieħdet f’kuntest li l-vittma kellu emoroġġija minn ġewwa, qalbu tgħaġġel, u pressjoni baxxa.

Fil-Qorti, Joslin preżenta erba’ ritratti tal-feriti li ħa qabel Hugo ġie operat.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend