It-triq mill-Marsa Ħamrun Bypass għall-Imrieħel tinfetaħ minn għada | One News

Notifiki

It-triq mill-Marsa Ħamrun Bypass għall-Imrieħel tinfetaħ minn għada

Il-bini mill-ġdid tat-triq li tgħaqqad il-Marsa-Ħamrun Bypass mal-Imrieħel Bypass miexi b’ritmu mgħaġġel, tant li din l-arterja ewlenija mistennija terġa tinfetaħ għas-sigħat ta’ matul il-jum minn għada t-Tlieta.

Din it-triq, li tintuża biex meta tkun għaddej mill-Marsa-Ħamrun Bypass, mid-direzzjoni tal-Masra ddur lejn l-Imrieħel Bypass fid-direzzjoni ta’ Ħ’Attard, ingħalqet it-Tnejn filgħodu sabiex tinbena b’pedamenti u asfalt ġodda bħala parti mill-aħħar xogħlijiet tal-proġett tat-twessigħ tal-istess Marsa-Ħamrun Bypass.

Oriġinarjament kien maħsub li t-triq kellha tibqa’ magħluqa sal-Ġimgħa, il-ħin kollu. Madankollu, wara li Infrastructure Malta żiedet ir-riżorsi u bdiet ix-xogħol matul il-lejl li għadda, it-triq ser tkun tista’ tinfetaħ mill-ġdid għas-sigħat ta’ matul il-ġurnata minn għada filgħodu, u tingħalaq biss bil-lejl. B’hekk, il-bini mill-ġdid ta’ din il-parti tat-triq ikun jista’ jsir b’inqas diffikultajiet għal dawk li jivvjaġġaw mill-inħawi.

Matul l-istess rotta, bejn il-Marsa, Santa Venera, Ħal Qormi u l-Imrieħel, fil-ġimgħat li ġejjin Infrastructure Malta qed twettaq xogħlijiet oħra matul il-lejl, sabiex tlesti l-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass, it-tieni fażi tal-Marsa Junction Project kif ukoll proġett ieħor imniedi aktar kmieni dan is-sajf sabiex jitjiebu l-konnessjonijiet bejn Triq Aldo Moro (l-inħawi tal-fabbrika tas-sulfarini), Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass. Dawn ix-xogħlijiet, fosthom il-kisi tal-aħħar saffi ta’ asfalt fit-toroq li ttranġaw, ikunu jeħtieġu xi għeluq ta’ korsiji matul il-lejl.

 Il-korsiji li jkunu magħluqin bil-lejl minħabba x-xogħlijiet ser jerġgħu jinfetħu kull filgħodu qabel is-06:00. Sabiex jitnaqqsu d-diffikultajiet fl-ivvjaġġar, il-pubbliku għandu jsegwi d-direzzjonijiet indikati b’tabelli mal-ġnub tat-triq jew jużaw rotot alternattivi.

Infrastructure Malta qed tikkordina dawn ix-xogħlijiet mat-taqsima tal-immaniġġjar tat-traffiku ta’ Transport Malta u mal-Pulizija. Għadd ta’ uffiċjali jinsabu f’dawn l-inħawi biex jgħinu u jiggwidaw lil dawk li jkunu għaddejjin mit-toroq milquta.

Inġ. Fredrick Azzopardi, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, irringrazzja lill-pubbliku għall-koperazzjoni u l-attenzjoni waqt it-twettiq ta’ dawn il-proġetti. Radd ħajr ukoll lill-impjegati tal-aġenzija u tal-kuntratturi tagħha għall-ħidma tagħhom sabiex ix-xogħol meħtieġ jitlesta bl-aħjar mod u mill-aktar fis. Qal li “dawn il-proġetti huma ħolqa oħra fil-ħidma kontinwa tagħna sabiex dejjem intejbu l-effiċċjenza, s-sigurtà, l-kwalità u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq. Qed nistinkaw sabiex sa ftit ġimgħat oħra jkollna titjib konsiderevoli fir-rotta bejn il-Marsa, Santa Venera u Ħal Qormi, li minnha jgħaddu eluf ta’ persuni kuljum.”

“Dan ix-xahar stess, il-Marsa-Ħamrun Bypass ser titlesta u tinfetaħ b’sitt korsiji minflok erba’. Partijiet minn Triq Diċembru 13 u Triq Aldo Moro ser ikollhom aktar korsiji wkoll. B’hekk inkomplu nnaqqsu d-diffikultajiet fl-ivvjaġġer minn u lejn in-nofsinhar tal-pajjiż,” temm jgħid l-Inġ. Azzopardi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend