Tagħrif buttuna 'l bogħod- MyHealth storja ta' suċċess | One News

Notifiki

Tagħrif buttuna ‘l bogħod- MyHealth storja ta’ suċċess

Aktar minn 50,000 pazjent taw il-kunsens tagħhom lil tobba tal-għażla tagħhom biex jaraw it-tagħrif mediku tagħhom fuq myHealth. Barra minn hekk, madwar 17,000 pazjent għamlu użu direttament huma stess minn dan is-servizz. Sa tliet snin ilu dawn iż-żewġ ċifri kienu inqas minn 5,000 u inqas minn 2,000 rispettivament.

MyHealth huwa l-portal tal-Gvern li jagħti aċċess għal diversi servizzi tas-saħħa  lill-pazjenti u t-tobba. Permezz tal-myhealth wieħed jista’ jkollu fost oħrajn:  sommarji dwar il-kura li jkun ingħata l-pazjent waqt li jkun rikoverat l-isptar, riżultat tat-testijiet tal-laboratorju li jinħadmu l-isptar, rapporti dwar l-X-rays li jittieħdu fl-isptar u fiċ-ċentri tas-saħħa u jara l-appuntamenti li wieħed għandu fl-isptarijiet u fiċ-ċentri tas-saħħa.Il-gazzetta Kullħadd fakkret kif aktar kmieni din il-ġimgħa d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nieda servizz ieħor permezz ta’ dan il-portal. Is-servizz jippermetti li t-tobba jistgħu jordnaw it-testijiet tal-laboratorju onlajn mingħajr il-bżonn li timtela karta li tingħata f’id il-pazjent, li wara jkollu jeħodha l-isptar jew fiċ-ċentru tas-saħħa fejn se jsir it-test.  It-testijiet huma dawk li  normalment jistgħu jordnaw it-tobba tal-familja privati, fosthom testijiet tad-demm. Il-vantaġġ hu li jonqos l-użu tal-karti u dak li jkun hemm miktub jinqara perfettament.

L-ordni tat-tabib tidħol dritt fis-sistema tal-informatika. Dan iħaffef il-proċess speċjalment fil-każ ta’ dawk il-pazjenti li jitteħdulhom il-kampjuni fiċ-ċentri tas-saħħa. Sadattant it-tabib li jkun għamel l-ordni tat-testijiet ikun jista’ jsegwi l-andament tal-proċess minn fuq il-kompjuter tiegħu. B’hekk ikun jista’ jiċċekkja meta jkunu nħadmu t-testijiet.

Sal-lum hemm madwar 270 tabib, l-iktar tobba tal-familja, li għandhom rabta ma’ pazjenti permezz tal-portal myHealth. Dan is-servizz mhux limitat għal pazjenti li għandhom rabta ma’ tobba fil-myHealth. Tabib jista’ jordna testijiet għal kwalunkwe pazjent Malti, anke jekk dan qatt ma jkun għamel użu mis-servizz myHealth.  Barra minn hekk illum myhealth hija aċċessibbli wkoll minn fuq l-ismart phone u t-tablet.

Iżda fl-aħħar żmien żdiedu servizzi oħra ukoll fuq myhealth, servizzi li wasslu biex tkun aktar popolari kemm fost it-tobba kif ukoll fost il-pubbbliku inġenerali.

Fost dawn is-servizzi nsibu li l-iktar importanti kienu l-aċċess għat-tagħrif dwar it-tilqim, kif ukoll dak dwar il-mediċini li jitqassmu permezz tal-iskema POYC. Żvilupp importanti f’Lulju li għadda kien li l-pazjenti ngħataw aċċess awtomatiku permezz tal-myHealth għar-riżultati u r-rapporti dwar it-testijiet tagħhom wara erba’ ġimgħat f’każ li dan it-tagħrif ma jkunx diġà ngħata mit-tabib tagħhom.

Iżda dan mhux biss, fix-xhur li ġejjin it-tobba se jkunu jistgħu jużaw il-myHealth biex jordnaw ukoll l-X-rays li jittieħdu fiċ-ċentri tas-saħħa, l-istess kif issa beda jsir għat-testijiet tal-laboratorju. Is-sena d-dieħla se tiżdied ukoll faċilità li biha kemm it-tobba kif ukoll pazjenti jkunu jistgħu jaraw l-X-rays infushom permezz tal-myHealth.

“Aktar ’il quddiem myHealth se jsir aktar interattiv permezz ta’ żvilupp ta’ komponent ta’ Personal Health Records. Dan ikun jippermetti li l-pazjenti mhux biss jirċievu tagħrif dwar il-kundizzjoni medika tagħhom, imma jkunu jistgħu wkoll idaħħlu fil-portal tagħrif huma stess dwar l-istil ta’ ħajjithom, is-sintomi li jkollhom u parametri tagħhom, bħal piż, pressjoni tad-demm u livell ta’ zokkor fid-demm. B’hekkmyHealth tibda tintegra d-data personali tas-saħħa b’mod li tinħoloq stampa iktar sħiħa ta’ saħħet il-pazjent,” qal lill-gazzetta id-Deputat Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend