Mifsud Bonnici: Il-PN qala' daqqa oħra fil-kredibbiltà b'Egrant | One News

Notifiki

Mifsud Bonnici: Il-PN qala’ daqqa oħra fil-kredibbiltà b’Egrant

Id-Deputat Nazzjonalista u Eks Ministru Carm Mifsud Bonnici ddikjara li l-Partit Nazzjonalista qala’ daqqa ta’ ħarta fil-kredibbiltà wara l-inkjesta Egrant. F’artiklu fuq il-blog tiegħu b’tifħir għall-Kap Adrian Delia, Mifsud Bonnici ħareġ għonqu għall-Kap bil-messaġġ ċar li ma jistax jaħti hu għan-nuqqas ta’ popolarità li għandu l-Partit Nazzjonalista.

Artiklu li deher fil-gazzetta Kullħadd jitfa’ dawl fuq il-fatt li  Mifsud Bonnici kiteb li l-Kap daħal għal għadma iebsa. “Iebsa għax il-partit, bl-aħħar telfa elettorali tiegħu, kien qala’ daqqa ta’ ħarta qawwija. Illum iktar u iktar b’saħħitha dik id-daqqa fil-kredibbiltà tal-messaġġ tiegħu wara r-rapport maġisterjali dwar il-kwistjoni ta’ Egrant,” kiteb Mifsud Bonnici li dakinhar li f’Lulju ħareġ ir-rapport Egrant kien wieħed mill-persuni  li fl-immedjat tkellem magħhom Adrian Delia. Tant li kien deher ħiereġ mid-Dar Ċentrali fil-ħinijiet ta’ qabel il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar li Simon Busuttil kellu jkun sospiż mill-Partit Nazzjonalista. Sospensjoni li kellu jirtira minnha wara l-inkwiet li nqalagħlu fil-grupp parlamentari.Mifsud Bonnici kellu messaġġ ukoll lejn dawk li issa ilhom żmien jagħmlu l-ħajja tal-Kap diffiċli.“B’partit li ntilef tant fil-kampanji elettorali interni tiegħu, b’pożizzjonijiet u diskors żejjed. Pożizzjoni li tant saħnet fix-xejn li

kompliet għaddejja wara. Għadna naraw, sa ftit ilu, kemm għadna ma fhimniex kemm huwa importanti li l-kapitlu jagħlaq lilu nnifsu,” qal Mifsud Bonnici li bagħat il-messaġġ ukoll li wieħed irid jaċċetta li “kellu opinjoni mod, imma seħħ mod ieħor.” “Biss, f’dan kollu trid tkun qiegħed tagħmel ġudizzju politiku żbaljat u maqtugħ biex taħseb u tippretendi minn dan il-partit li f’inqas minn sena mill-bidla li seħħet ikun qiegħed jiġbor kunsens elettorali qawwi,” żied Mifsud Bonnici.

L-Eks Ministru deher ċar li qed jitkellem dwar dawk li fil-Parlament ikunu bilqiegħda madwaru iktar milli għal dawk ta’ faċċata tiegħu. Jiftaħar fl-artiklu li ma daħalx dan l-aħħar fil-politika u żied li qed “jikkumbatti u joqtol l-iljuni.” Finalment jagħmilha ċara li “Hu l-Kap” b’referenza diretta lejn Adrian Delia u f’ammissjoni li fil-Partit Nazzjonalista għad hemm min qed jikkontesta dan kollu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend