Iktar flus fil-but- is-suċċess tal-ekonomija skont analiżi li tqabbel ir-riżultati tal-2018 ma tal-2012 | One News

Notifiki

Iktar flus fil-but- is-suċċess tal-ekonomija skont analiżi li tqabbel ir-riżultati tal-2018 ma tal-2012

Ir-riżultat dwar it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna li tant spikka din il-ġimgħa jkun apprezzat ferm iktar meta mqabbel mal-aħħar snin tal-leġiżlatura preċedenti. Għax dan il-paragun juri l-kobor tal-bidla li kien hemm fid-direzzjoni ta’ pajjiżna bejn dakinhar u llum, fejn primarjament il-familji għandhom iktar flus fil-but biex idawru r-rota ekonomika.

Artikllu fil-gazzetta kullħadd jixhed kif matul l-ewwel nofs tal-2018 il-ġid nazzjonali kiber b’€243 miljun. Dan huwa aktar minn tliet darbiet il-bidla fil-ġid nazzjonali li kien hemm fl-istess xhur tal-2012, is-sena qabel il-bidla fil-Gvern.

L-aktar raġuni importanti wara d-differenza fit-tkabbir ekonomiku bejn dawn iż-żewg perjodi huwa l-livell tal-konsum tal-familji. Fil-fatt fl-ewwel nofs tal-2012 il-konsum tal-familji Maltin u Għawdxin kien naqas bi €11-il miljun. Dan b’kuntrast għaż-żieda ta’ €132 miljun li seħħet fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.Il-konsum privat kien daqstant ogħla minħabba li d-dħul tal-ħaddiema żdied b’ferm aktar fl-2018, b’€184 miljun kontra €77 miljun fl-2012.

Dan jispjega wkoll għalfejn stħarriġ wara l-ieħor tal-Kummissjoni Ewropea qed ipoġġi l-familji Maltin u Għawdxin bħala l-aktar ottimisti minn fost il-familji madwar l-Ewropa. Minkejja ż-żieda qawwija fil-konsum, ċifri tal-Bank Ċentrali juru li bħalissa l-familji tagħna għandhom rekord ta’ €11.8 biljun depożitati ma’ banek lokali, żieda ta’ 56% mindu nbidel il-Gvern.

Anke n-negozji jinsabu f’qagħda ferm aħjar minn dik tal-2012. Fil-fatt dawn irreġistraw żieda fil-profitti tagħhom ta’ madwar €182 miljun fl-ewwel nofs tal-2018, kontra ż-żieda ta’ €44 miljun li kellhom fl-istess żmien fl-2012.

Minħabba l-qagħda ferm tajba tal-operat tagħhom, in-negozji qed ikunu jistgħu jinvestu ferm aktar. Tant li l-livell ta’ investiment privat u pubbliku  laħaq €877 miljun fl-ewwel nofs tal-2018, jew 45% aktar mill-2012.

It-tkabbir qawwi fis-setturi kollha tal-ekonomija, speċjalment dak tas-servizzi privati, qed iwassal biex id-dipendenza tal-ekonomija tagħna fuq l-ispiża tal-Gvern qed tkompli tonqos. Fil-fatt, filwaqt li l-ispiza tal-Gvern kienet ugwali għal 21% tal-ġid nazzjonali fl-2012, jew ewro minn kull ħamsa, fl-2018 dan naqas għal 17%, jew ewro minn kull sitta tal-ġid nazzjonali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend