ARA: Fejn hu l-malti fit-teatru Nazzjonali? | One News

Notifiki

ARA: Fejn hu l-malti fit-teatru Nazzjonali?

Hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-istaġun teatrali fit-Teatru Manoel, bosta jkunu ħerqana biex ikunu parti mill-udjenza ta’ programm varjat, kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż.

Iżda bosta jqajmu l-argument li t-Teatru Nazzjonali għandu jippromwovi iktar xogħlijiet bil-Malti li dari kienu ddefinixxew il-moviment teatrali Malti.

Drammi bħal dawk ta’ Ġuże Chetcuti, Ġuże Diacono, u Francis Ebejer, ilhom snin ma jittellgħu fuq il-palk nazzjonali.

Tgħid għaliex?

ONE News tkellem ma’ Toni Attard, li dderiġa produzzjoni post-moderna ta’ Boulevard ta’ Francis Ebejer, fl-okkażjoni tal-25 sena minn mewtu.

“Naħseb fl-aħħar snin bdejna naraw interess teatrali lejn xogħol bil-Malti u esperimentazzjoni ta’ xogħol ġdid. Jien ukoll ħassejt li għandna bżonn nagħmlu ftit iktar f’dak li hu dokumentazzjoni tax-xogħol. Jien sibtha ftit diffiċli, imma grazzi għall-Universita li qed tagħmel proġett kbir ta’ riċerka dwar it-Teatru Malti. Kieku ma kienx hemm dak id-dokumentazzjoni, kieku tlifna kollox”.

Saħaq li f’konverżazzjonijiet li kellu mal-atturi veterani Karmen Azzopardi u Paul Xuereb, li kienu parti mill-kast ta’ Boulevard, induna kemm m’hawnx biżżejjed għarfien dwar x’verament jiddefinixxi t-teatru Malti.

“U naħseb dan huwa ċ-ċans li nibdew inqajmu mhux biss interess, għax inti meta qed tikkommemora xi ħaġa, qed tħares lejn il-passat, u kif nitgħallmu minn Boulevard, int trid tħares lejn il-futur. L-iktar ħaġa importanti li drammi kemm ġodda u anke klassiċi inħarsu lejhom b’lenti ġdida. Xogħol validu jibqa’ relevanti nispera għal eluf ta’ snin”.

Min jaf, forsi grazzi għal dan il-proġett, u grazzi wkoll għal xi produtturi ambizzjużi li jridu jerġgħu iġibu t-teatru Malti lura għall-glorja tiegħu, udjenza post-moderna jista’ jkollha ċ-ċans terġa’ tiltaqa’ mal-Mandraġġara, jew mal-karattri tal-Kerrejja fuq il-palk Nazzjonali!

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend