6,300 karozza inqas fit-toroq Maltin bil-miżura tat-trasport b'xejn | One News

Notifiki

6,300 karozza inqas fit-toroq Maltin bil-miżura tat-trasport b’xejn

Bil-miżura ta’ trasport b’xejn għal madwar 11-il elf tifel u tifla li jattendu fi skejjel indipendenti jew tal-Knisja, mhux biss se jgawdu l-familji li se jiffrankaw mijiet ta’ ewro fis-sena, iżda se jitħalla wkoll effett pożittiv fuq it-toroq ta’ pajjiżna.

Filfatt, b’din il-miżura li se tiswa lill-Gvern mas-€26 miljun, huwa stmat li jkun hemm mas-6,300 karozza inqas kuljum fit-toroq Maltin.

Dan skont studju li sar b’rabta mal-istess miżura, u li tkellem dwaru l-Prim Ministru Joseph Muscat f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu.

Fl-istess ħin, artiklu li deher fil-gazzetta Kullħadd fisser il-mod ta’ kif se jibda jitħaddem it-trasport tal-iskejjel, dawk statali u dawk tal-Knisja u indipendenti, inkluż il-vannijiet, is-superviżjoni u t-tracking system, se jkun qed jiswa lill-Gvern €26.3 miljun. Il-ħsieb tal-Gvern huwa li t-trasport isir b’superviżjoni u l-Ministru Bartolo spjega kif din titlob koordinazzjoni ħolistika bħala parti minn pjan sħiħ.

Filwaqt li se jkompli jiġi enfasizzata l-użu ta’ onboard supervision, se tiġi introdotta wkoll sistema ġdida ta’ tracking sabiex il-moviment ta’ kull student ikun segwit kontinwament. Din hija sistema teknoloġika li tikkonsisti minn mobile application fejn kull ġenitur jista’ faċilment ikun jaf xħin it-tifel jew it-tifla tiegħu telgħu fil-vann u anke xħin waslu l-iskola.

Skont statistiċi, fis-sena skolastika li għaddiet, minn 32,635 student fl-iskejjel tal-Gvern, 12,500 minnhom kienu qed jagħmlu użu minn transport organizzat, filwaqt li minn 23,397 student fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti, 11,230 minnhom għamlu użu minn trasport organizzat. Flimkien, dawn jammontaw għal 23,730 student. Dan ifisser li mis-sena skolastika li jmiss, dawn l-istudenti kollha se jkunu qed igawdu minn trasport b’xejn u b’superviżjoni.

Il-familji mhux biss ħa jiffrankaw minn din ir-rifużjoni iżda se jgawdu wkoll minn żieda konsiderevoli fi bwiethom, se jaħlu inqas petrol u diesel u inqas tniġġis fl-arja fost l-oħrajn.

Il-Partit Laburista lbieraħ fi stqarrija qal li dan huwa Gvern li żamm kelmtu, Gvern li jrid jinvesti fil-kumdità tal-istudenti u l-familji tagħhom, jinvesti fl-għalliema, u jara kif kulma jmur jibqa’ jtejjeb is-sistema edukattiva.

 

 

 

 

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend