X'jinteressani li llum il-Vitorja? | One News

Notifiki

X’jinteressani li llum il-Vitorja?

Jinteressani ħafna, fil-fatt. Mhux sempliċiment għax inzertajt inħobb l-istorja ta’ Malta.

Kulħadd jiftaħar li Malta għandha storja rikka u imprezzabbli, b’uliedha qalbiena li qatt ma ħallew lil ħadd jagħmilhom tapit.

Iżda sfortunatament, meta niġu għal festi pubbliċi bħal Jum il-Vitorja, iktar jinteressana li għandna jum ta’ mistrieħ mix-xogħol, u fejn se mmorru għal xi pranzu tajjeb, milli s-sinjifikat storiku ta’ dan il-jum.

Jum il-Vitorja jfakkar it-tmiem ta’ tliet assedji storiċi f’Malta: L-Assedju l-Kbir tal-1565, l-Assedju tal-Belt mill-Franċiżi tal-1800, u l-Assedju fuq Malta mill-Assi fit-Tieni Gwerra Dinjija fl-1942.

Fis-7 ta’ Settembru 1565, flotta minn Sqallija wasslet Malta biex toffri għajnuna lill-Ordni u lill-Maltin kontra l-invażjoni Ottomana. L-għada, wara tliet xhur ta’ battalji, l-Ottomani li kienu jgħixu fil-kottonera irtiraw il-forzi tagħhom minn dawn l-inħawi ta’ Malta. L-Assedju l-Kbir għadu mnaqqax fil-kotba u r-rakkonti bħala wieħed mill-iktar ġrajjiet imdemmija fl-istorja ta’ pajjiżna.

Fl-istess jum, Malta tfakkar kif truppi Franċiżi li ħakmu lil Malta għal sentejn sħaħ, ċedew lil Emmanuele Vitale u lil Francesco Saverio Caruana fl-4 ta’ Settembru 1800.

Iżda l-iktar ġrajja kiefra ġiet fl-1942. L-Assedju fuq Malta ġie wara 3,000 attakk mill-ajru f’sentejn mill-Assi, biex ikissru l-Forzi Rjali tal-Ajru u l-portijiet Maltin.

Fit-8 ta’ Settembru 1943, l-Italja ċediet l-armi tagħha mit-Tieni Gwerra Dinjija u temmet l-attakki tagħha fuq pajjiżi tal-Alleati. Dan kien it-tmiem ta’ sentejn ta’ mewt, ġuħ, mard, u tiġrib fuq il-poplu Malti.

Ma ktibtx dan kollu bil-għan li ntikom xi rakkont storiku. Xtaqt ngħaddi dan il-messaġġ, għaliex ta’ spiss nisma d-domanda : “dik ġrat ma nafx kemm-il mitt sena ilu, x’jinteressani?”.

Jinteressak għaliex li kieku dawn it-tliet ġrajjiet ma spiċċawx kif spiċċaw, żgur mhux qed ngħixu l-ħajja li għandna llum. Li kieku pajjiżna qatt ċeda, l-Ewropa għandha preżent verament differenti milli għandha llum.

Huwa ta’ dispjaċir li bosta ma japprezzawx eżattament xi jfissru ġrajjietna. Minn xiex kellhom jgħaddu missierijietna għall-ħobż u l-paċi. Kemm kellhom iċarċru demmhom bit-tama li wliedhom u ulied uliedhom ma jisħtuhomx.

Malta qatt ma ċediet.

U dan hu l-ispirtu ta’ Jum il-Vitorja. Illum qed infakkru l-qlubija tal-Maltin ta’ mijiet ta’ snin ilu, li sarrfet f’ħelsien għalina lkoll.

Għalhekk jinteressani.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend