Jinħeles mill-arrest wara li m'obdiex ordnijiet tal-Qorti | One News

Notifiki

Jinħeles mill-arrest wara li m’obdiex ordnijiet tal-Qorti

Żagħżugħ ta’ 21 sena residenti Marsascala ingħata l-ħelsien mill-arrest u tpoġġa taħt probation wara li tressaq il-Qorti akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà  proviżorja billi ma kienx imur jiffirma l-għassa tal-pulizija f’Ħaż- Żabbar.Jidher li l-imputat naqas milli jinforma lill-awtoritajiet li biddel l-indirizz u għalhekk kienet aktar diffiċli għall-pulizija biex isibuh.   Il-ġuvni li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Maġistrat Monica Vella, qal li l-affarijiet tal-Qorti kien jeħodlu ħsiebhom missieru u li huwa qatt ma ra rikors b’għajnejh.

Żied jgħid li meta kien jitlob lill-missieru biex jara d-dokumenti legali għax huwa dritt tiegħu, huwa qal li missieru kien jgħidlu li la kien hu (l-missier) li qed iħallaslu l-ispejjeż tal-avukat u tal-Qorti, huwa m’għandux jidħol fiha. L-imputat qal li huwa ma kienx jaf li missieru ma informax lill-pulizija li biddel l-indirizz u talab lill-Qorti sabiex ma jinżammx arrestat, dan hekk kif minn hawn u ftit ieħor huwa se jibda t-tieni sena l-MCAST, fejn bħalissa qed isegwi kors fis-saħħa u l-kura soċjali.

Huwa talab lill-Qorti wkoll sabiex toħrog ordni li l-familja tiegħu ma tersaqx lejh għaliex il-każijiet ta’ ġlied familjari, jidher li kienu jinvolvu vjolenza domestika. Erba’ mill-każijiet ta’ ġlied familjari kienu ma’ ommu li ilha għal dawn l-aħħar ħames snin tingħata kura għas-saħħa mentali, u argument ieħor li għandu x’jaqsam ma’ huh.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Charlotte Curmi qalet li fl-isfond tal-kuxjenza li nħolqot dwar il-vjolenza domestika wieħed għandu jikkunsidra l-aħjar interessi tal-familjari tal-imputat.

Fil-Qorti l-imputat irrimarka li mir-rapport li sar il-Ġimgħa, huwa kien il-vittma għaliex huwa qala’ d-daqqiet u kienet ommu li sprajjatlu bott deodorant lejh.

Il-Maġistrat Monica Vella ordnat li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni proviżorja fil-konfront tal-familja tiegħu fejn bl-ebda mod ma jista’ jkellimhom. Ordnat ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fuq l-imputat, fejn la ommu u wisq anqas ħutu ma jistgħu ikelmuh jew jersqu lejh.

Il-Maġistrat Vella wisset lill-imputat sabiex japprezza l-fatt li l-Qorti qed ittih cans ieħor, dan hekk kif faċilment setgħet bl-aktar mod kiesah u biered tibgħatu sentejn ħabs, madankollu, se tagħtih opportunità  oħra sabiex jirriforma ruħu, tant li lanqas depożitu m’hija se timponi fuqu dan għall-fatt li minn din il-ġimgħa huwa beda jaħdem part time.

Huwa ġie ordnat li jiffirma l-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar nhar ta’ Sibt kif ukoll irid ikun lura d-dar sal-23:00 minħabba li xogħlu jispiċċah filgħaxija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend