Bil-Filmat: Monitoraġġ lil kull student fuq is-servizz ta' trasport b'xejn għall-istudenti kollha | One News

Notifiki

Bil-Filmat: Monitoraġġ lil kull student fuq is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti kollha

L-aħħar miżura imħabbra minn Gvern Laburista, dik li se tara li t-trasport tal-iskejjel isir b’xejn mhux biss għall-iskejjel tal-Istat, iżda wkoll għal dawk tal-Knisja u dawk Indipendenti, se tinkludi fiha sistema ta’ moniteraġġ mill-ġenituri.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarjiet mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri, li spjega kif it-tfal se jkollhom ċippa mal-basket, u li tibgħat messaġġ lill-ġenituri meta u x’ħin it-tfal jidħlu, jew joħorġu mill-vann.

“Ma’ kull basket tal-iskola se nkunu qed inwaħħlu apparat żgħira ħafna li fiha jkun hemm ftit informazzjoni dwar l-istudent, bħall-isem u l-indirizz. Meta imbagħad it-tifel jidħol fil-vann, is-sistema tibgħat messaġġ awtomatiku lill-ġenituri, b’app b’xejn li jistgħu iniżżlu, u b’hekk ikollhom moħħhom mistrieħ.”

L-iskema, li mistennija tiswa madwar €14-il miljun, se tolqot 42,000 student. Fabri spjega li b’medja għal kull student, il-ġenituri se jiffrankaw madwar €700 fis-sena.

Aċċenna dwar il-fatt li t-trasport se jkun kompletament b’xejn għal kulħadd, u li l-operaturi se jitħallsu direttament mill-Gvern. Dan wara tħassib minn għadd ta’ ġenituri dwar kif se taħdem is-sistema.

Żied jgħid li n-negozjati kienu sfida kbira, minħabba li ħadu fit-tul ferm. Fil-fatt, bejn il-partijiet kollha saru ħamsa u tmenin laqgħa, li lkoll damu ammont twil ta’ siegħat.

Fabri fakkar kif kien hemm bżonn li jintleħqu żewġ ftehimiet, wieħed għat-trasport tal-iskejjel tal-Istat, u ieħor separat għal tal-Knisja u Privati. Dan hekk kif tal-istat minn dejjem kien b’xejn, iżda din is-sena għalaq il-kuntratt preċedenti.

Żied jgħid kif issa, iż-żewġ kuntratti huma validi għall-ħames snin li ġejjin, fejn tmintax-il operatur li se joffru s-servizz se jkollhom kollox stabbilit fil-kuntratt.

Fabri qal kif apparti dawn it-tmintax, hemm madwar għaxra oħra li jinsabu f’diskussjonijiet mal-Gvern biex huma wkoll ikunu parti minn din il-miżura.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, qal li din il-miżura tara wegħda elettorali oħra mwettqa.

“Il-Gvern kien wiegħed li joffri dan is-servizz fil-programm elettorali tiegħu, u issa se nibdew inwettquha.”

Il-Ministru Bartolo temm jirringrazzja lil dawk kollha involuti fin-negozjati, u lill-Prim Ministru Joseph Muscat tal-viżjoni tiegħu għas-settur edukattiv.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend