ARA: Ħolma ta' Puttinu pass eqreb li ssir realtà- proġett ta' akkomodazzjoni f'Londra b'fondi mill-programm tal-IIP | One News

Notifiki

ARA: Ħolma ta’ Puttinu pass eqreb li ssir realtà- proġett ta’ akkomodazzjoni f’Londra b’fondi mill-programm tal-IIP

Tħabbret sejħa għal offerti għall-proġett ta’ akkomodazzjoni fiċ-ċentru ta’ Londra għall-pazjenti u li se jiġi parzjalment finanzjat minn €6 miljun ġenerati mill-IIP.

Il-programm ta’ Investitur Individwali ta’ Malta se jkun katalist biex aktar pazjenti li jitilgħu għall-kura fl-isptar Great Ormond f’Londra jibdew jingħataw akkomodazzjoni b’xejn għalihom u għall- qrabathom. Matul l-aħħar 4 snin minn meta twaqqaf il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, applikanti minn jeddhom għażlu li jgħinu lil Puttinu permezz ta’ donazzjonijiet finanzjarji li jlaħħqu madwar €1 miljun. Flimkien mal-€5 miljun allokati mill-Fond għall-Iżvilupp Soċjali Nazzjonali (NDSF), kif imħabbar mill-Prim Ministru fil-festi tal-Ġimgħa l-Kbira li għaddiet, dawn il-fondi se jservu biex Puttinu Cares jikseb art fiċ-ċentru ta’ Londra bil-għan li joffri aktar spazju ta’ akkomodazzjoni biex il-familjari tal-pazjenti li jmorru għall-kura jkunu eqreb ta’ qrabathom u jagħtu s-sostenn meħtieġ.Kif spjegat minn Rennie Zerafa u Angele Cuschieri minn Puttinu Cares, il-ħolma ta’ din l-entità li twettaq tant xogħol nobbli hi li tibni madwar 30 appartament ieħor biex b’hekk jasal żmien fejn 80% tal-pazjenti li jitilgħu għall-kura jkollhom akkomodazzjoni b’xejn u b’hekk jittaffa ftit mill-inkonvenjent kbir li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn l-individwi.

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli attendiet għal preżentazzjoni f’Londra li matulha tnieda dan il-proġett li hu stmat li jiswa madwar €20 miljun. Puttinu Cares qasmu l-pjanijiet tagħhom ma’ żviluppaturi bbażati fir-Renju Unit bil-ħsieb li entitajiet relatati mal-industrija tal-bini jersqu bi proposti għal dan il-proġett. Il-proposti jridu jiġu sottomessi sal-aħħar ta’ Ottubru mbagħad kumitat ta’ esperti fl-industrija flimkien ma’ Puttinu Cares jevalwaw l-għażliet li jkollhom quddiemhom. Il-proġett magħżul jitħabbar fil-bidu tal-2019 bil-ħsieb li l-appartamenti jitlestew sal-2020.

Għal dan l-avveniment attendiet ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li tat is-sostenn tagħha għal dan l-għan  nobbli li se jkompli jtejjeb ħajjet in-nies. Preżenti wkoll kien hemm il-Kummissarju Għoli għal Malta fl-Ingilterra l-ġdid Joseph Cole.

“Wara l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment hemm realtà li qed tħalli impatt kbir fuq il-ħajja ta’ nies vulnerabbli u ta’ kawżi oħra ġusti li ftit nies jafu dwarhom. Applikanti tal-IIP qed jgħinu għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi billi jagħtu kontribut finanzjarju b’mod regolari. Sal-lum saru madwar 600 donazzjoni li jammontaw għal €3.6 miljun u li gawdew minnhom 99 entità fosthom Puttinu Cares li rċevew madwar €1 miljun”, tenniet is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.

“L-għan tal-Programm tal-Investitur Individwali jmur lil hinn minn sempliċiment programm ta’ ċittadinanza b’investiment kwalunkwe. L-għan ewlieni tiegħu hu li nattiraw investiment, talent ġdid u nies li ġenwinament jixtiequ jsiru ċittadini Maltin. Din l-inizjattiva tagħtihom l-opportunità jifhmu aktar il-kultura Maltija u dak kollu għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin”, kompliet Julia Farrugia Portelli.

Permezz ta’ din l-inizjattiva u ta’ ħafna oħrajn bħalha li qed iseħħu kuljum, il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment qed tassew iħalli timbru fuq ħajjet il-poplu Malti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend