ARA: Malta tfakkar lid-drammaturgu Francis Ebejer – One News

Notifiki

ARA: Malta tfakkar lid-drammaturgu Francis Ebejer

Diversi attivitajiet madwar pajjiżna qed ifakkru l-25 sena mill-mewt tad-drammaturgu popolari Francis Ebejer. Ebejer jibqa’ magħruf għall-hekk imsejjaħ Teatru tal-Assurd, u kien wieħed mid-dramaturgi fl-istorja moderna, li verament iddefinixxew it-teatru Malti.

Il-Ħamis kien inawgurat bust tad-drammaturgu fi Spazju Kreattiv, u dan kien inawgurat minn ibnu stess, Damien Ebejer.

B’rabta ma’ dan, il-Ħamis filgħaxija tela’ s-siparju fuq edizzjoni ġdida ta’ Boulevard, waħda mill-iktar drammi poplari ta’ Ebejer.

ONE News tkellem ma’ Toni Attard, id-direttur ta’ Boulevard, li spjega li din se tkun l-ewwel darba li dan id-dramm se jittella’ fit-Teatru Manoel mill-1964.

Għal Boulevard, atturi u żeffiena ilhom disa’ xhur jiddefinixxu l-aħjar mod ta’ kif għandhom jinterpretaw dan id-dramm tant assurd ta’ Ebejer.

“Dawn huma nies f’dan l-ispazju, li Ebejer jiddeskrivi bħala l-Boulevard, li qed jistennew kontinwament dan il-vapur. Ma jafux meta ġej, jew fejn sejjer. Dik hija verament assurda. Imma l-ħajja tagħna hija assurda. Ħafna drabi ma nafux fejn sejrin, u meta naslu nindunaw li din mhix il-ħajja li nixtiequ. Li qed jagħmel Ebejer iqajjem mistoqsijiet importanti li kienu relevanti anke fuq livell internazzjonali”.

Allura, għaliex Boulevard?

“Ebejer jippreżenta numru ta’ karattri interssanti ħafna. Kien daħħal iż-żeffiena, kantanti, u daħħal spettaklu, u Sean minn Teatru Malta xtaq li jerġa’ jesperimenta billi jagħġen dawn iż-żewġ forom ta’ arti differenti”.  

Boulevard qed issir b’kollaborazzjoni bejn Teatru Malta u t-Teatru Manoel, u se tittella’ fi tmiem din il-ġimgħa.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend