ARA: Il-President ta' Malta tpoġġi l-fjuri mal-monument tal-Assedju fil-Belt | One News

Notifiki

ARA: Il-President ta’ Malta tpoġġi l-fjuri mal-monument tal-Assedju fil-Belt

Fil-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Vitorja, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca għamlet żjara fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir fi Triq ir-Repubblika l-Belt Valletta.

Biswit il-monument quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja l-Belt Valletta, l-Forzi Armati ta’ Malta laqgħu lill-President, li mxiet sa quddiem il-Monument, fejn ingħatat il-Present Arms u ndaqqet il-fanfarra. Il-President poġġiet il-kuruna f’riġlejn il-monument, fejn minnufih ingħatat is-salut għall-okkażjoni.Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta ltaqgħet ma’ dawk kollha preżenti, inkluż turisti, fejn qattgħet ftit ħin titkellem magħhom dwar l-importanza ta’ din il-festa nazzjonali.

Min-naħa l-oħra, l-kumitat tal-Festi Nazzjonali poġġa l-kuruni mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju f’Forti Sant’Anġlu, mal-monumenti tal-Vitorja l-Birgu kif ukoll mal-mafkar ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla. Wara marru ċ-ċimiterju tal-Addolorata fejn selmu lill-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija.

It-8 ta’ Settembru ifakkar żewġ avvenimenti importanti f’pajjiżna- ir-rebħa ta’ Malta kontra l-imperu Ottoman lura fl-1565 u l-jum li fih l-Italja waqfet tibbumbardja lill-Malta mill-ajru.

Din il-festa pubblika timmarka wkoll il-festa tat-twelid tal-Madonna li tiġi ċċelebrata madwar id-dinja; inkluż f’pajjiżna. Dan hekk kif 4 lokalitajiet- l-Isla, n-Naxxar, il-Mellieħa kif ukoll fix-Xagħra Għawdex tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Marija Bambina.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend