Il-kuntistabbli Simon Schembri b’66% diżabilità-l-Assistent Kummissarju jgħid li Liam Debono qallu li kien jaf li tajjar pulizija – One News

Notifiki

Il-kuntistabbli Simon Schembri b’66% diżabilità-l-Assistent Kummissarju jgħid li Liam Debono qallu li kien jaf li tajjar pulizija

Meta dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Liam Debono li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri, il-Kap tad-Dipartiment tal-Ortopedija fl-isptar Mater Dei Ray Gatt saħaq li l-pulizija sofra minn 66% diżabilità fl-ortopedija.

Ray Gatt eżamina lil Schembri fuq ordni tal-Qorti wara l-inċident u mhux dakinhar li seħħ fil-15 ta’ Mejju li għadda.

Fil-preżenza tal-akkużat li għalkemm deher bilqiegħda kalm, kien qed jagħti b’saqajh, xehdu bosta uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud xehed l-Assistent Kummissarju Stephen Mallia li spjega kif ftit wara li ġie arrestat iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena huwa kellmu u qallu jekk jafx li tajjar pulizija.

L-Assistent Kummissarju spjega kif Liam Debono magħruf bħala l-Lillu ta tnejn b’rasu u qal “Iva naf”.
Fl-awla xehed ukoll is-Surġent Oliver Vella li b’ton miksur u kommoss għall-aħħar spjega x-xena li sab ma wiċċu meta mar Ħal Luqa u sab lil Simon Schembri ma’ l-art.

Is-Surġent qal li Schembri lanqas kien jintgħaraf wiċċu ‘l fuq.

“Lanqas kont naf hux ħaj jew mejjet”, żied jgħid is-Surġent Vella.

Fil-Qorti telgħu wkoll omm u oħt l-akkużat li għażlu li ma jixhdux, hekk kif il-liġi tippermetti dan.

Il-kumpilazzjoni se tkompli tinstema’ nhar it-Tlieta fil-11:15am.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend