Iktar minn 700,000 passiġġier jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta f'Awwissu biss | One News

Notifiki

Iktar minn 700,000 passiġġier jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Awwissu biss

Stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tikkonferma li sa issa, Awwissu kien it-tieni xahar konsekuttiv li fih ġew irreġistrati aktar minn 700,000 moviment tal-passiġġieri, b’iktar minn 5,000 tlugħ u nżul ta’ ajruplani tul ix-xahar. It-traffiku mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla jirreġistra tkabbir, hekk kif il-movimenti tal-passiġġieri għal Awwissu laħħqu total ta’ 759,547.

Dan isarraf f’żieda ta’ 9.5% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet, u stabbilixxa rekord tat-traffiku ġdid għall-ajruport.

B’medja ta’ 24,502 movimenti tal-passiġġieri kuljum, ix-xahar ta’ Awwissu kien wieħed impenjattiv mhux ħażin għat-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Din iż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri hija wkoll marbuta ma’ żieda ta’ 9.7% fil-movimenti tal-ajruplani.

Fil-fatt, tul ix-xahar ta’ Awwissu kien hemm aktar minn 5,000 tlugħ u nżul ta’ ajruplani fil-mitjar.

Filwaqt li n-numru ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet tela’ b’10.5%, is-seat load factor (SLF) naqas b’0.7 punti perċentwali, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel, u kien ta’ 87.4%.

L-aqwa ħamest iswieq għal Awwissu kienu r-Renju Unit (+12.1%), l-Italja (+16.2%), il-Ġermanja (-11.0%), Franza (+2.5%) u Spanja (+30.0%). Skont is-Summer Season Travel Report għall-2018, Malta qed issir dejjem aktar popolari ma’ turisti Brittaniċi li jsiefru fuq btala.

F’dan ir-rapport, Malta tidher mal-10 swieq li kibru bl-aktar pass mgħaġġel għall-istaġun tas-sajf, b’rata ta’ tkabbir ta’ 13.7%.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend