Id-drittijiet tal-konsumatur qabel jiffirma kuntratt ta' xiri | One News

Notifiki

Id-drittijiet tal-konsumatur qabel jiffirma kuntratt ta’ xiri

Il-verità hi li huma ftit dawk il-konsumaturi li jaqraw it-termini u kundizzjonijiet ta’ kuntratt li jkunu ser jiffirmaw. Sfortunatament hija biss meta tinqala problema bix-xiri li ninteressaw ruħna naqraw dak li nkunu ffirmajna għalih u xi drabi jista’ jkun tard wisq. Per eżempju, nordnaw xi għamara li ma tiġix ikkunsinnata fid-data mifthiema jew tasal differenti minn kif ordnata. X’jiġri jekk meta niċċekkjaw il-kuntratt tax-xiri nindunaw li dan ma jinkludix id-data tal-kunsinna jew li ma jkunx hemm deskrizzjoni dettaljata ta’ dak li ordnajna? F’sitwazzjoni bħal din nistgħu niffaċċjaw diversi problemi biex nippruvaw x’kien il-ftehim oriġinali u biex nieħdu rimedju ġust.Għaldaqstant hija r-responsabbiltà tagħna l-konsumaturi li qabel niffirmaw kuntratt ta’ xiri naqraw u nifhmu dak li qed niffirmaw għalih. Qabel ma niffirmaw għandna wkoll naċċertaw li l-kuntratt ta’ xiri jinkludi l-prezz mifthiem, il-metodu ta’ ħlas, deskrizzjoni tal-oġġetti jew servizzi mixtrija, id-data tal-kunsinna, u d-dettalji tal-bejjiegħ f’każ li jkollna bżonn nikkomunikaw miegħu. Jekk niġu mitluba nħallsu depożitu għandna naċċertaw li ningħataw prova tal-ħlas u li d-depożitu mħallas jitniżżel fil-kuntratt tax-xiri.

Meta possibbli, għandna wkoll noqgħodu attenti li l-kuntratti li niffirmaw ma jkunx fihom klawsoli li jnaqqsu id-drittijiet tagħna bħala konsumaturi. Legalment dawn il-klawsoli huma kkunsidrati inġusti u għaldaqstant ma jistgħux jiġu infurzati mill-bejjiegħ. L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jinkludi lista ta’ klawsoli li huma meqjusa inġusti. Fost dawn insibu termini li jipprojbixxu lill-konsumatur milli jħassar il-kuntratt tax-xiri jekk il-kummerċjant jonqos milli jwettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu. Termini oħra inġusti huma dawk li jippermettu lill-bejjiegħ iżomm ammont imħallsa mill-konsumatur jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jikkanċella l-kuntratt, imma l-istess kuntratt jipprojbixxi lill-konsumatur milli jitlob kumpens meta l-bejjiegħ iħassar il-kuntratt. Huwa wkoll ikkunsidrat inġust li l-konsumatur jiġi mitlub iħallas b’kumpens lill-bejjiegħ ammont ta’ flus li jkun sproporzjonalment għoli ħdejn il-valur tal-oġġetti jew is-servizzi mixtrija jew mikrija. Klawsola oħra li hija meqjusa inġusta hija dik li tippermetti lill-kummerċjant jibdel il-ftehim tax-xiri b’mod sinjifikanti  mingħajr ma jagħti l-possibbiltà lill-konsumatur joħroġ mill-kuntratt. Huwa wkoll ipprojbit li konsumatur ikun marbut bi klawsoli li ma kellu l-ebda opportunità li jifhem sew qabel jikkonkludi l-kuntratt tax-xiri.

Il-liġi tipproteġi lill-konsumaturi minn dawn it-tip ta’ klawsoli billi ma tħallix lill-bejjiegħ jinfurzahom minkejja li l-konsumaturi jkunu aċċettawhom u ffirmaw għalihom. Klawsola inġusta f’kuntratt ta’ xiri ma tħassarx il-kuntratt kollu jekk il-kuntratt jista’ jibqa jeżisti mingħajr il-klaswola inġusta. Barra minn hekk kuntratti ta’ xiri għall-konsumaturi għandhom ikunu miktuba b’lingwaġġ sempliċi u ċar li jifthiem faċilment mill-konsumatur. Fil-fatt il-liġi tipprovdi li meta jkun hemm dubju dwar it-tifsira ta’ xi klawsola, għandha tittieħed it-tifsira l-aktar favorevoli għall-konsumatur.

Avolja aħna l-konsumaturi protetti legalment kontra klawsoli inġusti, xorta waħda hija responsabbiltà tagħna li naqraw sew kuntratt qabel niffirmawh. Għandna wkoll niftakkru li jekk waqt li qed naqraw kuntratt niltaqgħu ma klawsola li ma nħossuniex komdi biha nistgħu dejjem nitkellmu mal-bejjiegħ biex din il-klawsola titneħħa jew tinbidel.  Jekk ma nkunux nafu xi tfisser klawsola huwa fl-interess tagħna li nistaqsu għal aktar informazzjoni qabel ma nikkonkludu l-kuntratt tax-xiri.

F’każ li jkollna kunflitt ma bejjiegħ dwar klawsola inkluża fil-kuntratt tax-xiri u ma jirnexxilniex naslu għal ftehim, nistgħu nitolbu l-għajnuna tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur biex niċċekkjaw jekk il-klawsola hijiex inġusta u jekk hi nkunu nistgħu nieħdu l-għajnuna li għandna bżonn biex insolvu l-problema.

Ta’ QabelLi Jmiss
Odette Vella ilha 15-il sena fis-settur tal-Affarijiet tal-Konsumatur, u llum il-ġurnata hija d-Direttur tal-Informazzjoni, Riċerka, u Edukazzjoni fl-Uffiċju għall-Affarijeit tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Vella tieħu ħsieb li jkun hawn għarfien xieraq fuq id-drittijiet tal-konsumatur u l-edukazzjoni tal-konsumaturi biex dawn ikunu infurmati sew waqt u wara x-xiri.

Send this to a friend