€2 miljuni biex jittranġaw u jinbnew mill-ġdid toroq rurali f'Għawdex | One News

Notifiki

€2 miljuni biex jittranġaw u jinbnew mill-ġdid toroq rurali f’Għawdex

16-il triq rurali f’Għawdex qed tiġi mtejba għall-benefiċċju tas-settur agrikolu u l-komunitajiet rurali. F’Malta u f’Għawdex se jkunu qed isiru total ta’ 61 triq rurali li jammontaw għal ’il fuq minn €11-il miljun. Dawn huma parti miż-żewġ miżuri li tħabbru ftit tax-xhur ilu, waħda biex jinbnew it-toroq rurali u l-oħra biex jittranġaw il-ħitan tas-sejjieħ.Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri semma kif permezz ta’ dawn il-fondi qegħdin igawdu numru ta’ Kunsilli Lokali fosthom lokalitajiet Għawdxin li huma Ta’ Sannat, in-Nadur, ix-Xagħra, Kerċem, l-Għarb u Żebbuġ.

 It-toroq u passaġġi rurali li qegħdin isiru huma:

 Ta’ Sannat: Triq Bardan;

In-Nadur: Triq Binġemma, Triq ta’ Xurdin u Triq Inżul il-Franċiżi;

Ix-Xagħra: Triq tar-Ramla (tal-għejjun), Triq Għajn Wajtar, Triq Għajn Meddew, Triq tal-Wied tal-Għeżien, Triq ta’ Garaffa u Triq Srug;

Iż-Żebbuġ: Triq Wied l-Infern u Triq Wied l-Abjad;

Kerċem: Triq l-Għadira;

L-Għarb: Triq Wied il-Knisja u t-triq bejn Triq it-Trux u San Dimitri.

Iktar minn 1,000 bidwi mistennija jibbenifikaw minn dan it-titjib fl-aċċess ta’ toroq rurali madwar il-gżejjer tagħna biex b’hekk ikunu jistgħu jtejbu l-attivitajiet tagħhom kif ukoll iżidu l-effiċjenza. Hu spjega kif Triq Bardan hija waħda mit-toroq rurali li hija ffinanzjata mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Malti, u li jaqgħu taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020 u qal li l-għan tal-miżura 4.3 huwa li tingħata għajnuna sabiex kunsilli lokali u entititajiet oħra jkunu jistgħu jimplimentaw proġetti li permezz tagħhom jitjieb l-aċċess għar-raba’ u attivitajiet oħra agrikoli.

Għaldaqstant, qegħdin inkomplu nibnu fuq il-progress li sar fl-aħħar snin, sabiex numru ta’ toroq li jagħtu aċċess għal diversi għelieqi f’Malta u Għawdex jerġgħu jinbnew jew jiġu rranġati skont il-bżonn. Clint Camilleri stqarr b’sodisfazzjon li għalhekk, “permezz tal-għajnuna li se tingħata taħt din il-miżura, parti kbira mill-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin se jkunu qed igawdu mit-titjib fl-aċċess biex b’hekk ikunu jistgħu jtejbu l-attivitajiet tagħhom kif ukoll iżidu l-effiċjenza.”

Qal ukoll li ladarba jitlesta t-tarmak se jibdew jitranġaw minnufih il-ħitan tas-sejjieħ. Fil-fatt l-għan prinċipali tal-miżura 4.4 huwa li tipprovdi għajnuna għal investimenti li jinkludu r-restawr tal-habitats u l-pajsaġġi, il-konservazzjoni tal-ħamrija u l-immaniġġjar tal-ilma. Clint Camilleri spjega li d-domanda qawwija mill-bdiewa Maltin u Għawdxin sabiex jingħataw għajnuna finanzjarja biex jibnu jew jirrestawraw ħitan tas-sejjieħ qiegħda tkun indirizzata permezz ta’ din il-miżura.  Hu spjega li permezz tal-interventi li se jsiru taħt din il-miżura se jkun qed jibbenefika s-settur agrikolu lokali kollu.

Hu żied jgħid li l-mira tal-Gvern hi li jkompli jkun dak li jintervjeni b’mod li jtejjeb il-kundizzjonijiet, l-infrastruttura u l-opportunitajiet li għandhom il-bdiewa li jwettqu l-attività tagħhom b’mod li jilħaq l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tagħhom, kif ukoll il-miri tal-Politika Agrikola Komuni. Hu kompla jgħid li fost affarijiet oħra dan ifisser li rridu ngħinu lill-bidwi jkollu aċċess aħjar għar-raba’, u li jtejjeb il-kontribut tal-għelieqi tiegħu għaż-żamma tal-ħamrija u l-bijodiversità.

Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li biex is-settur agrikolu jkun aktar sostenibbli rridu naraw l-introduzzjoni ta’ aktar metodi innovattivi u moderni. Dan huwa l-għan tal-Gvern u proprju r-raġuni għall-bżonn li nkunu proattivi u nagħtu spinta ’l quddiem sabiex nimplimentaw infrastruttura adekwata għall-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu s-Sindku Ta’ Sannat Philip Vella qal li l-Kunsill Lokali Ta’ Sannat dejjem kien minn ta’ quddiem sabiex jara kif ipoġġi lil-lokalità ’l quddiem u fil-fatt appena tħabbru l-Miżuri 4.3 u 4.4 il-Kunsill Ta’ Sannat ibbenifika minn madwar €150,000 fejn b’dawn il-fondi l-bdiewa u r-raħħala se jkollhom aċċessibbiltà aktar denja u xierqa kif ukoll il-bini tal-ħitan tas-sejjieħ fejn mistenni li din iż-żona tinbidel kompletament

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend