ARA: Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Vitorja f'Għawdex | One News

Notifiki

ARA: Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Vitorja f’Għawdex

F’Misraħ il-Vitorja, fix-Xagħra, tfakkret ir-rebħa tal-Assedju l-Kbir, ir-rebħa tat-Tieni Gwerra Dinjija kif ukoll il-waqfien tal-marda qerrieda tal-pesta tal-1813.

Quddiem udjenza numeruża dalgħodu fix-Xagħra Għawdex, permezz ta’ atti mill-grupp XHRO, tfakkru ġrajjiet importanti li Malta għaddiet minnhom.

Il-banda tal-korp tal-Pulizija taħt id-direzzjoni tas-Surpretendent Anthony Cassar kompliet tpaxxi lin-nies preżenti b’mużika poplari Maltija, fosthom ‘Inti Djamant’. Fid-diskors tal-okkażżjoni s-Sindku Joe Cordina stqarr li din għandha tkun kommemorazzjoni biex aħna nkomplu nsaħħu l-identita tagħna bħala Maltin. Is-Sur Cordina kompla jgħid li f’din il-festa wieħed irid jiftakar f’dak li missirijietna ħadmu għalih. Filwaqt li bagħat l-awguri tiegħu lin-nies preżenti huwa saħaq li bejnietna għandha tibqa tirrenja l-paċi.

F’diskors ieħor, l-Arċipriet Monsinjur Carmelo Refalo, għamel referenza għad-diskors tal-bieraħ tal-Professur Raymond Mangion bit-tema “Seddaq l-għaqda fil-Maltin u s-sliem”. Il-Monsinjur spiċċa d-diskors tiegħu b’appell għall-għaqda, “Ħa titla ‘l fuq il-bandiera Maltija jekk aħna mill-qiegħ inżommu l-għaqda”.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, rapreżentanti tal-Korp tal-Pulizija, rapreżentanti tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-Ambaxxatur tal-UNESCO Joe Vella Gauci, flimkien ma’ mistednin distinti oħra.

Fl-aħħar ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tpoġġew buketti tal-fjuri taħt il-monument tal-Assedju l-Kbir li jinsab armat għall-okkazzjoni fi Pjazza Vitorja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend