Malta tirrifjuta waħda minn kull erba' applikazzjonijiet għal ċittadinanza b'investiment | One News

Notifiki

Malta tirrifjuta waħda minn kull erba’ applikazzjonijiet għal ċittadinanza b’investiment

Ċifri uffiċjali juru li mindu Malta nediet il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, 24% jew waħda minn kull erba’ applikazzjonijiet ġew irrifjutati.

Iċ-ċifri li mistennija jiġu ppubblikati fir-rapport annwali tal-Uffiċċju tar-Regolatur tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment li jkopru l-perjodu ta’ bejn l-aħħar ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet u l-bidu tal-Lulju li għadda jiżvelaw li l-għadd ta’ applikazzjonijiet li ġew irrifjutati żdiedu b’mod konsiderevoli kull sena mindu tnieda l-programm erba’ snin ilu.L-istatistika turi li waqt li fl-ewwel sena tal-programm ġew irrifjutati aktar minn erba’ fil-mija tal-applikazzjonijiet, matul l-2018, ir-rata ta’ applikazzjonijiet irrifjutati telgħet għal 24%.

Fil-fatt rapporti fil-midja internazzjonali nnotaw li r-rata ta’ applikazzjonijiet li ġew irrifjutati mill-aġenzija Maltija fl-aħħar sena mistennija tkun ferm ogħla mit-tnejn u għoxrin fil-mija li ġiet irreġistrata fis-sena ta’ qabel.

Ingħad li l-proċess ta’ skrutinju li tuża Malta tal-applikazzjoni qed isir ħafna iktar rigoruż u diffiċli għall-applikanti. Żied jingħad li dawk li kellhom l-applikazzjoni tagħhom irrifjutata minn pajjiżi oħra, l-anqas biss għandhom jikkunsidraw li jixħtu l-applikazzjoni tagħhom għall-programm Malti.

Il-Kap tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment Malti Jonathan Cardona, qal li 85% tax-xogħol li twettaq l-aġenzija huwa ddedikat biss għall-proċess ta’ skrutinju. Huwa żied jgħid li l-uffiċjali li jaħdmu fl-aġenzija huma nies b’esperjenza kbira fi proċessi ta’ skrutinju f’banek ewlenin.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend