Malta bi tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ 5.9% bejn April u Ġunju – One News

Notifiki

Malta bi tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ 5.9% bejn April u Ġunju

Stimi proviżorji għat-tieni kwart tas-sena juru li l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’5.9% f’termini reali u bi 8.6 fil-mija f’termini nominali.

L-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li fit-tliet xhur bejn April u Ġunju, il-Prodott Domestiku Gross żdied b’€238 miljun. Matul dawn it-tliet xhur, il-Prodott Domestiku Gross li bih titkejjel l-attività ekonomika qabeż it-3,001 miljun.

L-uffiċċju Nazzjonali tal-istatiska qal li l-oqsma kollha tal-ekonomija wrew titjib li kien ivarja minn tkabbir ta’ 3.8% għal 12.2%.

Iċ-ċifri juru wkoll li meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet, iż-żieda fit-tkabbir ekonomiku ta’ €238 miljun tqassmet f’€89 miljun lill-ħaddiema, kważi €107 miljun f’bilanċ operattiv għall-kumpaniji u kważi €42  miljun f’tassazzjoni fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li t-tkabbir osservat f’Malta fit-tieni kwart kien ogħla minn dak li seħħ fil-kwart ta’ qabel meta l-ġid nazzjonali kien żdied b’4.9%. B’hekk matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena l-ġid nazzjonali kiber b’5.4%.

Kien hemm żewġ fatturi ewlenin wara t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna. L-ewwel fattur kien żieda qawwija fil-konsum privat. Dan kien xprunat minn tkabbir sostanzjali fid-dħul tal-ħaddiema. Fil-fatt fl-ewwel nofs tal-2018 il-pagi f’pajjiżna kienu €184 miljun ogħla milli kienu sena qabel, żieda ta’ 8%. Riżultat ta’ dan it-titjib sostanzjali fid-dħul, l-istatistika uffiċjali tindika li sa issa fl-2018 il-konsum privat żdied b’6%. Ta’ min ifakkar li fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern fl-2013 kien hemm tnaqqis fil-konsum privat.

 It-tieni fattur wara t-tkabbir ekonomiku qawwi kien l-andament pożittiv tal-azjendi. Fil-fatt il-profitti tan-negozji għolew b’€182 miljun meta mqabbla mal-istess kwart tal-2017. Dan it-titjib qawwi fil-profitti wassal biex in-negozji privati flimkien mas-settur pubbliku investew €877 miljun.

 Żvilupp ieħor li joħroġ mill-istatistika hu li fl-2018 id-dipendenza ta’ pajjiżna fuq l-ispiża tal-Gvern kompliet tonqos. Fil-fatt il-konsum tal-Gvern kien 16.6% tal-ġid nazzjonali kontra 20% fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern. Dan jispjega għalfejn pajjiżna bħalissa għandu surplus fil-finanzi pubbliċi kontra d-defiċit eċċessiv li kellu fil-passat.

Barra minn hekk, l-istatistika uffiċjali turi li s-settur finanzjarju, li skont l-Oppożizzjoni għaddej minn żmien ta’ inċertezza, fil-fatt kabbar l-operat b’€31 miljun filwaqt li l-gaming, settur ieħor li l-Oppożizzjoni qed twissi dwaru, kiber b’€70 miljun. Fil-fatt is-setturi kollha tal-ekonomija raw tkabbir, fosthom il-valur miżjud fil-manifattura fl-ewwel nofs tal-2018 kiber b’€7 miljun mentri fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern dan is-settur kien naqas bi €13 miljun. Il-kostruzzjoni, li fl-2012 kienet naqqset il-valur miżjud, fl-ewwel nofs tal-2018 rat titjib ta’ €11 miljun. L-oqsma tar-retail u tal-lukandi u tar-ristoranti raw żieda ta’ €49 miljun filwaqt li l-oqsma tas-servizzi professjonali u amministrattivi raw żieda ta’ €61 miljun. 

Il-Gvern żied jgħid li l-politika ekonomika tiegħu qed tkompli twassal għal tkabbir mifrux fost is-setturi kollha filwaqt li qed jiżdied b’mod sostanzjali d-dħul kemm tal-ħaddiema kif ukoll tan-negozji. Fil-budget il-Gvern se jkompli jdaħħal miżuri oħrajn biex isostni l-ekonomija ta’ pajjiżna ħalli tkompli tiġġedded u toħloq aktar ġid u kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend