Għid Tiegħek dwar l-Ewropa' – konsultazzjoni dwar il-futur tal-biedja | One News

Notifiki

Għid Tiegħek dwar l-Ewropa’ – konsultazzjoni dwar il-futur tal-biedja

Ilbieraħ saret it-tieni laqgħa minn sensiela ta’ konsultazzjonijiet dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea bit-tema, ‘Il-Futur tal-Biedja’. Dawn il-konsultazzjonijiet li qed isiru mill-MEUSAC u mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza huma parti minn proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni pubblika f’27 stat membru tal-UE. F’dan l-eżerċizzju l-pubbliku jiġi mistieden jgħid tiegħu dwar diversi temi ta’ interess partikolari fil-kuntest lokali u l-interessi taċ-ċittadini Maltin bħala ċittadini Ewropej waqt li jiġu identifikati t-tħassib, it-tamiet u l-aspettattivi tal-istess ċittadini.
Matul il-laqgħa tal-bieraħ kien hemm rappreżentanza wiesgħa ta’ bdiewa, ta’ raħħala, ta’ produtturi tal-ħalib u tal-inbid u diversi għaqdiet oħrajn mhux governattivi li lkoll setgħu jgħidu tagħhom dwar il-Politika Agrikola Komuni tal-UE, l-isfidi komuni li jiffaċċjaw il-bdiewa kif ukoll il-fondi Ewropej għas-settur. Fost is-suġġetti li tqajmu kien hemm: l-aċċessibbiltà għar-raba’ minn toroq rurali; iż-żmien biex jingħataw il-fondi u l-proċess ta’ applikazzjoni għalihom; l-opportunitajiet u l-għajnuniet għall-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jinvestu fis-settur; it-tfittxija ta’ prodotti Maltin ta’ kwalità; kif isir l-aħjar użu mill-fondi Ewropej taħt il-Politika Agrikola Komuni kurrenti; l-aċċess għall-ilma għall-bdiewa; li tingħata aktar attenzjoni lill-bidwi nnifsu u mhux biss lill-makkinarju jew lill-prodott; l-użu tal-pestiċidi u l-bżonn ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati u l-importanza li fin-negozjati dwar il-fondi Ewropej għall-perjodu 2021-2027 il-gżejjer Maltin jiġu meqjusa bħala mikro-stat.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza fissret li dawn il-konsultazzjonijiet li qed isiru fuq inizjattiva tal-President Franċiż Emanuel Macron, huma xhieda tal-impenn tal-Gvern li jmur hu għand in-nies u mhux bil-kontra. Dan bil-għan li tintlaħaq firxa wiesgħa ta’ nies u mhux biss dawk li huma konvinti mill-ħidma attwali tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest il-Ministru Dalli saħqet dwar l-importanza li jinstemgħu dawk li huma diżillużi jew urtati bl-Unjoni Ewropea waqt li assigurat lil dawk preżenti li l-fehmiet tagħhom se jkunu inklużi f’rapport finali li se jitħejja mill-MEUSAC bħala parti mill-proċess li għaddej bħalissa fl-Unjoni Ewropea.

Għal-laqgħa attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri li flimkien ma’ uffiċjali għolja tal-Gvern setgħu jisimgħu x’kellhom xi jgħidu l-parteċipanti. Is-Segretarju Parlamentari Camilleri fakkar li meta dħalna fl-Unjoni Ewropea nfetħu l-bibien tas-suq ħieles mingħajr ma kellna politika nazzjonali għall-agrikoltura – politika li fassalna flimkien u li tħares il-prodott agrikolu Malti. F’dan il-kuntest irrefera għall-kompetizzjoni li joffri l-prodott barrani u ħeġġeġ lill-bdiewa preżenti biex bil-għajnuna tal-gvern ċentrali, iħaddnu l-progress fis-settur b’mod partikolari l-packaging u l-ippreżentar tal-prodott agrikolu Malti.

Clint Camilleri rrefera għall-kwistjoni tal-qbiela u assigura lil dawk preżenti li l-Gvern qed jiffinalizza qafas legali li se jwassal biex bdiewa li għandhom ir-raba’ bit-titlu ta’ qbiela jingħataw il-possibbiltà li jittrasferixxu t-tali qbiela lil uliedhom. Is-Segretarju Parlamentari tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jkabbar in-network tan-New Water biex aktar bdiewa jibbenefikaw minn dan il-proġett innovattiv li jawgura tajjeb għas-sostenibbiltà tas-settur agrikolu lokali.

Il-laqgħa tal-konsultazzjonijiet li jmiss bit-tema ‘Industriji Innovattivi’ se ssir nhar l-Erbgħa, 12 ta’ Settembru fl-MCAST, Raħal Ġdid u tibda fis-6pm.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend