"Daddy, hawn terremot kbir!"-Malti li esperjenza t-terremot qawwi fil-Ġappun | One News

Notifiki

“Daddy, hawn terremot kbir!”-Malti li esperjenza t-terremot qawwi fil-Ġappun

It-terremot li laqat il-gżira Ġappuniża ta’ Hokkaido ħasad il-ħajja ta’ madwar tmien persuni, u 40 oħra għadhom qed jiġu mfittxija mill-ħaddiema tas-salvataġġ.

It-terrmot kejjel qawwa ta’ 6.7 fuq l-Iskala Rikter, xi ħaġa mhux tas-soltu f’dawn l-inħawi tal-pajjiż.

ONE News tkellem ma’ John Busuttil, li bħalissa ibnu Damian qed jgħix Sapporo f’Hokkaido. Huwa spjega li f’dawn l-inħawi mhux soltu jkun hemm dan it-tip ta’ terremoti, u għalhekk, ir-residenti huma inkwetati ferm. Ibnu ilu madwar 14-il sena jgħix il-Ġappun, u dan huwa l-ikbar terremot li qatt ħassew.

“Ilbieraħ għal xil-10.30 ta’ bil-lejl ċempilli t-tifel u mal-ewwel ħadt qata. Qalli “Daddy, hawn terremot kbir, qatt ma esperjenzajt terremot bħal dan”. Kien 6.6 fuq l-iskala rikter, u qalli li hu kien xogħol għax hu jaħdem bil-lejl f’restorant, u dam xi 20 sekonda jiċċaqalqu. Kien imwerwer.”

Ftit tal-ħin wara t-terremot inqata’ d-dawl mal-belt kollha, xi ħaġa li wkoll ħassbet lil Damian, iben John, għax hu juża r-rota biex imur għax-xogħol.

“Qalli l-biża tiegħu kienet li la hawn lights ma kien hemm u kien hemm dlamm ċappa, u beda jibża’ li jistgħu itajruh b’xi karozza. Għidtlu biex isuq u kif jasal iċempilli mill-ewwel. Inzerta li l-linji tat-telephones ma nqatawx. U mnalla għax kieku kont inkun imwerwer jien u lanqas kont norqod. Imma mbagħad bdew jibżgħu mill-aftershocks.”

Kmieni filgħodu, inqataw il-linji tat-telephones, u r-residenti kienu mwissija ma jibagħtux lil uliedhom l-iskola u ma jmorrux għax-xogħol għax kienu mistennija aktar theżżiżiet b’saħħtihom.

“Sadanitant, martu marret tixtri mis-supermarket ta’ ħdejhom għaliex l-ilma kien se jkun problema. Damet sagħtejn bin-nies kollha li kien hemm. Fuq it-televiżjoni l-Gvern qalilhom biex isegwu l-istruzzjonijiet kollha li qed ituhom.”

Għalkemm huma xi ftit imbeżżgħa, il-familja ta’ Damien jinsabu qawwijin u sħaħ f’darhom. Tant li John qal li t-terremot iktar qiegħed fuqu minħabba l-biża’ li qed iħoss għall-familja ta’ ibnu, għax f’diżastri naturali hekk, qatt ma tkun taf x’se jkun il-pass li jmiss.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend