Bis-serjetà? – One News

Notifiki

Bis-serjetà?

Jidher li għal xi wħud f’din id-dinja, li tkun mara b’opinjoni hu l-ekwivalenti li tkun qaħba.

Nixba nisma’ u naqra it-tgħajjir li jaqilgħu ta’ kuljum politiċi nisa jew inkella nisa ta’ ċertu kariga, kull darba li jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq il-mezzi soċjali. Jaqbadni d-daħq (jew il-biki) kull meta xi ħadd jeħoda bi kbira għax mara ikollha ħsieb ċar u loġiku, iżda xorta waħda tiġi redikolata u mgħajjra b’kull aġġettiv li tista’ timmaġina. U kieku tgħid li tiġi mgħajjra fuq twemminek jew jiġu redikolati l-argumenti, kieku fiha u ma fihiex. Imma le, l-argument jinżel fuq livell personali u dejjem jispiċċa bil-konklużjoni li l-povra mara hija xejn għajr minn qaħba.

Ftit tal-jiem ilu l-Ambaxxatriċi Maltija f’Ruma, Vanessa Frazier, kienet il-mira ta’ baraxx ta’ insulti fuq Facebook minn uffiċjal tal-pulizija Taljana.  Il-kumment wassal għal inċident diplomatiku u apoloġija uffiċjali mill-Gvern Taljan. Apparti minn hekk, l-Ambaxxatur Taljan f’Malta Mario Sammartino wera solidarjetà mal-kollega Maltija.

Dan ma kienx każ iżolat. F’Mejju li għadda, deputati tal-Oppożizzjoni għajjru lis-Segretarju Parlamentari, Julia Farrugia Portelli għax għamlet argumenti differenti minn tagħhom dwar il-liġi tal-IVF. Fil-paġna uffiċjali tal-Partit Demokratiku ittella’ status bil-kliem “when village escorts become MPs, you know the country is in the pits.”

Din l-attitudni hija kundanabbli u tal-mistħija. Huwa possibbli li fl-2018 nisa fl-isfera politika għadhom qed jiġu mgħajjra qħab sempliċiment għaliex ikunu qed jaqdu dmirijiethom? Fiż-żewġ każijiet, kemm l-Ambaxxatriċi kif ukoll is-Segretarju Parlamentari, kienu qed jagħmlu xogħolom. Filwaqt li Frazier bħala rappreżentanta tal-Gvern Malta kienet qed tiddefendi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-immigrazzjoni fuq programm televiżiv fl-Italja, Farrugia Portelli kienet qed titkellem waqt dibattitu parlamentari f’isem il-kostitwenti tagħha.

Każijiet bħal dawn iqajjmu wkoll bosta kwistonijiet dwar kif il-kredibilità tan-nisa fil-politika tista’ tiġi mminata bi kliem dispreġġattiv u b’implikazzjonijiet li huma sesswalment iktar attivi minn dak li hu meqjus “aċċettabbli”. Din hija tattika li ilha teżisti għexieren ta’ snin. L-imġieba sesswali tagħna m’għandiex tkun l-indikatur ewlieni ta’ min aħna.  Din hi politika sessista u elitista li m’għadx hawn postha f’soċjetà moderna li trid tinkludi iktar nisa fil-politika u mhux tnaffarhom b’aġir bħal dan.

L-abbuż, online jew offline, se jkompli u kull ma jmur jiżdied jekk jibqa’ ma jsir xejn biex niġġieldu kontra din l-attitudni. Kull wieħed minna, l-irġiel u n-nisa, issa jeħtieġ li nibdew inbiddlu l-kultura, qabel din il-kultura sessista jirnexxielha taħkimna darba għal dejjem.

 

 

 

 

 

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss
Rebecca Buttigieg hija attivista u temmen li l-politika hija għodda sabiex nixprunaw il-bidla fil-pajjiż b’inizjattivi konkreti. Gradwata fid-Diplomazija mill-Università ta' Malta u kisbet Masters mill-Università ta’ Edinburgh. Hija ħadmet fi Brussell waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u wara l-elezzjoni tal-2017 assumiet ir-rwoll ta’ Uffiċċjal tal-Komunikazzjoni fil-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar. Fl-2018 inħatret bħala Uffiċċjal taż-Żgħażagħ fi ħdan il-Kumitat Lokali tal-Partit Laburista fil-Gżira.

Send this to a friend